Kitba ta’ Charles Camenzuli
Illum il-lenti fuq il-partita mill-kwartifinali Franza v Portugall. Ili nistenna din il-partita minn meta t-tnejn għaddew għal din il-fażi finali. Partita li se tkun id-29 waħda bejn iż-żewġ pajjiżi. Partita li ġġorr magħha fatt kurjuż għall-aħħar għalina l-Maltin u għal kull min jheda bl-istorja tal-isport.
L-ewwel minn serje ta’ 28 partita ntlagħbet fi Stade des Ponts Jumeaux f’Toulouse l-Ħadd 18 ta’ April 1926. L-għażla tat-tim Franċiż kienet fdata f’idejn kummissjoni tal-federazzjoni mmexxija minn Gaston Barreau. Fil-formazzjoni jispikka l-isem GEORGE BONELLO.
Imwieled fit-3 ta’ Lulju 1898 bħala Georges Eugene Auguste Aiemè Bonello, missieru kien emigra lejn l-Alġerija. Nannuh kien mis-Siġġiewi fejn miet fl-1 ta’ Diċembru 1962. Bejn l-1920 u l-1928, George Bonello lagħab ma’ FC Blideen fil-belt ta’ Blida fejn kien jgħix sakemm fl-1928/29 ingħaqad ma’ Olympique Marseille u lagħab kemm fil-kampjonat kif ukoll fil-Coupe de France.
L-ewwel partita bejniethom intemmet 4-2 għal Franza, b’George Bonello jiskorja l-gowl tat-3-1 fis-56 minuta. Wara dik il-partita, Bonello kien lagħab ukoll fil-25 ta’ April 1926 fir-rebħa ta’ 1-0 kontra l-Iżvizzera u fit-telfa ta’ 4-0 ta’ Franza kontra l-Portugall fis-16 ta’ Marzu 1927. Karriera twila fi Franza iżda għal-lum dan id-dettall huwa biżżejjed. Huwa miet fil-15 ta’ Ġunju 1985 f’Marseille.
Ir-rubrika mil-Lenti ta’ Camenzuli tiġi ppubblikata f’In-Nazzjon f’paġna IV tas-suppliment ta’ kuljum marbut mal-Euro 2024
//= $special ?>