Lokali

Opportunità biex tikseb kwalifika fil-Politika u l-Governanza mill-Università ta’ Malta

Kors Universitarju – B.A. (Hons) Politics and Governance – minn Ottubru li ġej

L-Università ta’ Malta se tkun qed tirrendi l-edukazzjoni politika aktar aċċessibbli b’kors li se tibda toffri minn Ottubru li ġej. Il-kors tal-B.A. (Hons) fil-Politika u l-Governanza se jerġa’ jkun offrut kemm fuq bażi full-time u wkoll fuq bażi part-time.

F’din l-intervista, il-Professur Mario Thomas Vassallo, Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika, minbarra li jagħti tagħrif siewi dwar il-qofol ta’ dan il-kors fuq il-kampus, jagħti l-fehma tiegħu dwar l-importanza li jerġa’ jkun offrut u l-bżonn li hawn għal dan il-kors li jiftaħ l-aċċess għal dibattiti u djalogi biex flimkien nagħrfu x’inhi l-verità politika, ekonomika u soċjali.

Għaliex Malta għandha bżonn ta’ gradwati fl-oqsma tal-politika u l-governanza?

Dan il-pajjiż għandu bżonn kbir u immedjat ta’ edukazzjoni politika. Il-Parlament, b’vot unanimu, ta d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ malli jagħlqu sittax-il sena. B’danakollu, bqajna gallarija f’dik li hija edukazzjoni politika.

Poplu li mhux mgħallem fl-arti u x-xjenza politika – bla l-iċken idea ta’ x’inhi l-governanza t-tajba – huwa dejjem f’periklu li jispiċċa jibla’ r-ross bil-labra, inkella jitmexxa minn imnieħru.

L-istazzjonijiet tal-partiti jaqdu rwol importanti għall-istess partiti, imma ftit li xejn joffru għajn ta’ tagħlim oġġettiv dwar il-qagħda politika Maltija, Mediterranja, Ewropea u dinjija. Kien wasal il-waqt li l-Università ta’ Malta timla dan il-vojt billi tirrendi l-edukazzjoni politika aktar aċċessibbli. Fil-fatt, minn Ottubru li ġej, (mifrux fuq tliet snin) u wkoll fuq bażi flexi, part-time (mifrux fuq bażi ta’ seba’ snin massimu).

Hekk inkunu nistgħu nilħqu kemm lill-istudenti li jkunu għadhom kemm temmew b’suċċess l-istudju tagħhom fil-Junior College u fil-bqija tal-istituti post-sekondarji, u wkoll lil dawk adulti li diġà huma impjegati u jixtiequ jagħmlu dan il-kors, waqt li jibqgħu fl-impjieg.

Malta huwa pajjiż polarizzat. Jew ma’ naħa jew m’oħra. Il-Kors tal-Politika u l-Governanza kif jista’ jnissel dibattitu bejn fehmiet differenti?

Il-Professur Oliver Friggieri kien jgħid li f’Malta kollox huwa difiż fi tnejn. Jew nejja jew maħruqa. Jew abjad jew iswed. Jekk trid, jew blu jew aħmar. U d-diviżjoni bejn naħa u oħra hija distinta, netta u polarizzata.

Dan il-fenomenu Malti huwa eżattament bil-maqlub ta’ kif għandha tkun il-klima politika. Min-natura tagħha, il-politika hija dejjem dibattibbli. Għalhekk għandna l-Parlament – kemm fuq livell nazzjonali u anki f’dak Ewropew – biex tabilħaqq niddiskutu l-politika u l-liġijiet li jkunu qegħdin ikunu moħmija.

Fil-politika m’hemmx lok għall-assolutiżmu fejn tagħna kollox tajjeb, u tal-oħrajn kollox ħażin. Fid-dibattitu ħadd ma għandu l-għarfien tal-verità sħiħa u, għalhekk, huwa ferm importanti li nitkellmu bejnietna biex dejjem insibu toroq ġodda, nibnu fuq it-tajjeb ta’ xulxin, niflu fil-fond (u mhux b’mod superfiċjali) l-isfidi li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom u nfasslu soluzzjonijiet li kemm jista’ jkun ikollhom kunsens wiesa’.

Dan kollu jiġri meta nwaqqgħu s-swar tal-partiti li bnejna matul is-snin u nkunu aktar miftuħin għal dibattiti maturi u infurmati. Sfortunatament il-midja tal-partiti u l-mezzi tal-midja soċjali għalqulna dawn l-ispazji miftuħa ta’ diskussjoni politika.

Il-kors tagħna fuq il-kampus jiftaħ l-aċċess għal dibattiti u djalogi biex flimkien naslu biex nagħrfu x’inhi l-verità politika, ekonomika u soċjali mingħajr irbit tribali, inkella pika parrokkjali.

Kif tgħallmu l-politika u l-governanza?

Ma tistax tgħallem u titgħallem il-politika, mingħajr għarfien tajjeb tal-istorja u l-ġografija. Xejn ma jiġi mix-xejn, u ebda xemx ma titla’ jew tinżel ma’ xi mexxej politiku, kbir kemm hu kbir. Għalhekk meta tanalizza l-affarijiet b’mod politiku, irid ikollok sens qawwi ta’ żmien u spazju biex tifhem aħjar il-kuntest ta’ dak li ġara.

Il-kors tal-BA (Hons) fil-Politika u l-Governanza mhux sempliċi djarju ta’ x’ġara u ma ġarax, imma – aktar minn hekk – jipprova jsib ir-raġuni, fuq kollox is-sens, tal-għala ġara hekk. Dan huwa l-qofol ta’ dan il-kors.

Waħda mill-ħiliet essenzjali hija li dik naħsbu b’mod kritiku. X’qed iħejji dan il-kors dwar dan?

Il-kors jaħseb għal għadd divers ta’ ħiliet trasferibbli li jistgħu jintużaw kullimkien. Mhux biss minn dawk li se jaħdmu fil-qasam politiku u ta’ governanza, imma wkoll f’kull professjoni u post tax-xogħol ieħor.

Il-ħsieb kreattiv u innovativ huwa ewlieni fost dawn il-ħiliet. Lill-istudenti tagħna ngħallmuhom jaħsbu b’moħħhom u mhux b’moħħ ħaddieħor. Ngħallmuhom kif ifittxu l-verità mhux biss fuq il-passjonijiet tagħhom, imma permezz tar-riċerka xjentifika u evidenza affidabbli.

Hemm ħiliet trasferibbli oħrajn li l-kors jaħseb għalihom fosthom l-analiżi tal-midja, l-arti tad-diskors fil-pubbliku, il-ħila tad-dibattitu, il-ħidma f’tim, it-tmexxija etika u s-sens ta’ ppjanar u evalwazzjoni għal kull ħaġa li nagħmlu.

Bi kwalifika fil-politika u l-governanza, fejn tista’ taħdem?

Dan il-kors hu għall-istudenti li joħolmu jew diġà huma involuti f’bosta ħidmiet, fosthom id-diplomazija, il-medjazzjoni, il-ġurnaliżmu u t-tmexxija tas-soċjetà ċivili, inkluż trade unions u għaqdiet ta’ min iħaddem.

Il-kors jappella għall-attivisti tal-partiti, kunsilliera u sindki, uffiċjali pubbliċi, dawk li jaħdmu jew jaspiraw li jaħdmu ma’ xi entità tal-Unjoni Ewropea, u wkoll għal dawk li jinteressahom l-attiviżmu soċjali/politiku, il-lobbying u l-konsultazzjoni pubblika.

Bi kwalifika fix-xjenza politika u l-governanza t-tajba, l-opportunitajiet ta’ xogħol – kemm f’Malta u kemm lil hinn minnha – huma kbar u diversi. Barra minn hekk, din il-kwalifika mogħtija mill-Università ta’ Malta sservi ta’ ċavetta għal studji f’livelli ta’ Master u ta’ dottorati.

Wara li l-istudenti jlestu dan il-kors b’suċċess, kif jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom? Lejn xiex qed tara li jistgħu jkomplu jimirħu?

Meta tistudja l-politika u l-governanza, tissuġġetta ruħek għal xita ta’ opportunitajiet. Kemm mil-lat ta’ xogħol u kif ukoll mil-lat ta’ studji aktar speċjalizzati. Ngħidu aħna, bi kwalifika fil-politika u l-governanza, tista’ tmur tistudju għal għadd ta’ suġġetti f’livell ta’ Master, fosthom fil-policy making, il-politika soċjali, l-istudji Ewropej, is-soċjoloġija, il-psikoloġija, il-management, ir-riżorsi umani, u tant dixxiplini oħrajn fil-qasam soċjali.

Dawk li jixtiequ aktar informazzjoni għandhom javviċinaw lid-Dipartiment tal-Public Policy fuq il-kampus tal-Università ta’ Malta billi jċemplu fuq 23403358, inkella jagħmlu like fuq il-paġna ta’ facebook um.edu.mt/fema/publicpolicy.

Jistgħu wkoll jibagħtulna email fuq mariella.gambin@um.edu.mt.

L-applikazzjonijiet huma diġà aċċessibbli online minn fuq il-portal tal-Università ta’ Malta.