Lokali

Prova oħra ta’ kemm il-Gvern moħħu biex jonfoq flus il-poplu bl-addoċċ – PN

L-aħbar li ħarġet illum, li ntefqu nofs miljun ewro fuq produzzjoni ta’ 10 minuti biex fiha jidher il-Kummissarju tal-Films stess, kif ukoll li dan ingħata ‘trailer’ personali biex ikollu ‘star treatment’ minn flus il-poplu, hi l-aħħar prova ta’ kemm dan il-Gvern jonfoq flus il-poplu bl-addoċċ lill-ħbieb tal-ħbieb u b’mod ħażin.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Graham Bencini, li fakkru kif dan il-Gvern m’għandux problema jberbaq il-flus bl-addoċċ, iżda mbagħad m’għandux flus biex jappoġġja lill-artisti lokali.

Il-kelliema fakkru kif, minkejja li l-Partit Laburista wiegħed fil-Manifest Elettorali ta’ qabel l-aħħar elezzjoni li se jkollu budget ta’ €2 miljun għan-National Film Fund biex jgħin lill-artisti u lill-industrija lokali, fl-aħħar sentejn il-Gvern ma ħareġ xejn biex jgħin lil din l-industrija. Dan ġie kkonfermat mill-assoċazzjonijiet ta’ dawk fl-industrija stess. Fl-istess waqt, il-Gvern ma sab l-ebda diffikultà jonfoq flejjes esaġerati u b’mod irresponsabbli f’festivals li ma jagħtux lura l-frott li suppost kellhom jagħtu.

Il-kelliema fakkru kif il-Kummissarju tal-Films diġà qed ikun investigat mill-Awditur Ġenerali. U issa nefaq nofs miljun ewro għal film ta’ 10 minuti, bl-esperti jgħidu li din iċ-ċifra hi waħda konservattiva ħafna. Dan wara li, skont rapporti fil-media, nefaq €8 miljun f’żewġ festivals, fosthom €120,000 lill-preżentatur tal-festival tal-2022.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur li ssir promozzjoni lill-industrija Maltija, iżda dan għandu jsir biex jingħata l-appoġġ lill-industrija u lill-artisti lokali u mhux a skapitu tagħhom. Filwaqt li sellmu u rringrazzjaw lill-ħaddiema, speċjalment dawk Maltin li jaħdmu fis-settur, il-kelliema tennew li mhux minnu li l-Partit Nazzjonalista hu kontra l-inċentivi ta’ taxxa li qed ikunu offruti lill-produtturi tal-films jew kontra li jsiru l-festivals. Il-Partit Nazzjonalista hu kontra l-isparpaljar u t-tberbiq ta’ flus il-poplu bla trasparenza u governanza.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-kelliema qalu li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għandu jwieġeb fejn u kif qed imorru l-miljuni minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin, anke fid-dawl tal-fatt li l-faqar qed jiżdied b’mod allarmanti u l-poplu qed isib diffikultajiet kbar biex ilaħħaq mal-ħajja ta’ kuljum. Dan meta d-dejn tal-pajjiż qed ikompli jiżdied b’mod allarmanti, tant li issa qabeż l-€10,000 miljun, b’€1,000 miljun minnhom saru fl-aħħar sena.