Lokali

“Tfisser ħafna għalina rridu naraw kif se nsewwuha” – Sid il-ħanut D’Amato Records

Din hi t-tabella storika li twaħħlet fi Triq San Ġwann fil-Belt Valletta wara t-Tieni Gwerra Dinjija – tabella ta’ ħanut li jmur lura għad-dsatax-il seklu.

Hekk ġiet deskritta t-tabella ta’ wieħed mill-eqdem ħwienet tal-mużika fid-dinja, D’Amato Records, hekk kif it-tabella tal-HMV li tinsab eżatt quddiem l-entratura tal-ħanut spiċċat intlaqtet matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis – bis-sidien jisħqu li dan seħħ wara li t-tabella ntlaqtet minn xi makkinarju tal-kostruzzjoni.

Matul il-jum tal-Ħamis ir-reazzjoni ta’ bosta persuni madwar il-pajjiż kienet waħda ta’ xokk u stmerrija għall-fatt li din it-tabella ġarrbet ħsarat minħabba traskuraġni ta’ wħud.

Ma’ Net News jikkummenta Steve D’Amato, sid il-ħanut.

Huwa stqarr li din it-tabella kienet saret simbolu tal-Belt Valletta, imfittxija minn bosta – kemm turisti kif ukoll kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali – minħabba l-valur storiku li għandha.

Steve d’Amato spjega li issa jridu jaraw x’inhi l-possibbiltà li din it-tabella tissewwa.

Dan mhux l-unika artefatt storiku li ġarrab ħsarat estensivi fil-Belt Valletta wara li telephone box spiċċat imfarrka għalkollox meta fl-aħħar jiem irreversja fuqha trakk – bil-kumpanija responsabbli minnufih refgħet responsabbiltà.