Lokali

AĠĠORNATA: Imutu ż-żewġ bugħaddasa wara li sabu ruħhom f’diffikultà

Ritratt: Martin Agius

Tilfu ħajjithom iż-żewg bugħaddasa li sabu ruħhom f’diffikultà aktar kmieni llum meta kienu fiz-zona taż-Żonqor, Marsaskala.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:30 am, fejn intalbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-bugħaddasa kienu madwar 1.4 mili nawtiċi ‘l barra mill-kosta hekk kif kienu qed jesploraw il-fdalijiet tal-vapur Le Polynesien li jmur lura għall-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-vittmi, li ġew identifikati bħala Pollakki, kienu madwar 50 metru ‘l isfel meta seħħ l-inċident.

Jidher li l-ewwel persuna ta’ 45 sena sab xi diffikultà, bil-persuna l-oħra, ta’ 48 sena provat tgħin.

Sfortunatament, il-Pollakk ta’ 45 sena tilef ħajtu ftit tal-ħin wara, bil-Pollakk l-ieħor tilef ħajtu sigħat wara fl-Isptar Mater Dei.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni:

Il-Forzi Armati ta’ Malta ntalbu għall-assistenza tagħhom wara li żewġ għaddasa ta’ nazzjonalità barranija kellhom bżonn l-għajnuna.

Għal xi raġuni, iż-żewġ persuni sabu ruħhom f’diffikultà, bil-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta tellgħuhom mill-baħar permezz tad-dgħajsa Melita 1 u ddaħħlu fil-bażi ta’ Haywharf.

Hemmhekk sabu ambulanza tistennihom sabiex tim mediku jagħti l-għajnuna tiegħu.