Fl-Olympiastadion ta’ Berlin, l-Olanda se jkunu qed jilagħbu kontra t-Turkija. Żewġ timijiet li ftit ħasbu li se jkunu qed jaslu sa din il-fażi tal-kompetizzjoni b’ċans li wieħed minnhom saħansitra jagħmilha għas-semifinali.
It-Turkija għal dan il-konfront se jkunu mingħajr id-difensur Merih Demiral hekk kif ġie sospiż żewġ partiti wara ġest li għamel wara li skorja fil-partita kontra l-Awstrija.
Dan se jkun il-15-il konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet u l-ewwel wieħed f’tournament maġġuri. L-Olanda jibdew bħala favoriti hekk kif anke fil-passat huma rebħu sitt konfronti, t-Turkija rebħu erba’ u erba’ temmew fi draw.
L-Olanda rnexxielhom javvanzaw f’ħames mis-seba’ okkażjonijiet li fihom waslu f’din il-fażi ta’ kompetizzjoni maġġuri bl-aħħar esperjenza għat-tim Olandiż tkun xi ftit waħda morra hekk kif kienu eliminati fil-kwartifinali tat-Tazza tad-Dinja permezz tal-penalties kontra l-Arġentina.
Din hija r-raba’ darba għat-Turkija li waslu sa din il-faħi fejn irnexxielhom javvanzaw għas-semifinali f’żewġ okkażjonijiet.
Il-kowċ Olandiż Ronald Koeman qal li kultant huwa diffiċli li wieħed jispjega kif f’partita t-tim tiegħu jilgħab ħażin iżda fil-partita ta’ wara jkollu prestazzjoni mill-aqwa. Hu żied jgħid li l-Olanda sabuha diffiċli fil-bidu ta’ dan it-tournament iżda baqgħu jikbru ma’ kull partita.
Il-kowċ tat-Turkija Vincenza Montella qal li l-Olanda huwa tim mimli talent u se tkun partita diffiċli. Hu żied jgħid li l-iskwadra tiegħu hija l-inqas waħda f’dik li hija esperjenza f’tournament bħal dan.
//= $special ?>