Lokali

Il-Labour deskritt bħala wieħed immexxi minn ‘prima donnas’ li jinteressahom biss mill-interessi tagħhom infushom

Il-Partit Laburista ġie deskritt mill-Editorjal tat-Times of Malta li ġie ppublikat fil-gazzetta tas-Sibt bħala partit immexi minn “prima donnas” – persuni li jinteressahom biss mill-interessi tagħhom infushom u mill-vantaġġi li l-politika ġġib magħha minflok fl-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.

L-Editorjal tat-Times jgħid li minkejja li Robert Abela qal li huwa fehem il-messaġġ li twassal waqt l-elezzjonijiet li għaddew, għadu ma tħabbar xejn sabiex titjieb is-sitwazzjoni f’pajjiżna. Bl-unika vuċi li nstemgħet kienet tal-Ministru Clyde Caruana, bit-Times tqis dan bħala eku li ntilef fix-xejn hekk kif il-Gvern Laburista għadu m’aġixxiex.

Waħda mill-kwistjonijiet li qed toħloq inkwiet għall-Maltin u l-Għawdxi kollha, u kien wieħed mill-messaġġi li twasslu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, hi bla dubju ta’ xejn l-isplużjoni fil-popolazzjoni f’pajjiżna. Bl-editur jinnota kif Robert Abela m’għandux soluzzjoni ċara sabiex jindirizza din il-kwistjoni għajr li jkompli jimporta iżjed persuni mħallsa f’pagi baxxi u bi ftit li xejn esperjenza.

L-Editorjal ikompli jgħid kif, quddiem il-fatt li ninsabu biss sentejn ‘il bogħod minn elezzjoni ġenerali, tidher diffiċli li wieħed jemmen li Abela lest idaħħal tibdil li mhux daqstant popolari. Fost dawn issemmiet l-edukazzjoni, li l-editur qisha bħala falliment assolut, hekk kif mhux kapaċi jippreżenta t-tibdil tant meħtieġ għal settur iktar b’saħtu.

Dan quddiem il-fatt li meta l-Gvern għadu qed jimpika mal-edukaturi għal żieda miżera fil-pagi tagħhom, fl-istess waqt li l-Kummissjoni tal-Films qed tonfoq il-miljuni, ikompli jgħid l-editur.

Bi Clyde Caruana li mar kompletament kontra dak li qed imexxi ‘l quddiem Abela – dik ta’ ekonomija bbażata fuq il-kwantità minflok il-kwalità – hekk kif fakkar li pajjiżna jeħtieġlu sistema edukattiva b’saħħita sabiex it-tfal t’għada pitgħada jkunu jistgħu jieħdu rwoli ġodda f’ekonomija ġdida.

Bl-editur fakkar kif minkejja li Abela qed jibqa’ jinsisti li għandna “ekonomija vibranti”, xorta waħda l-poplu Malti u Għawdxi qed ikun irreġistrat bħala l-iktar wieħed stressat u inkwetat fid-dinja, bit-tkabbir fil-GDP żgur mhux forsi mhix qed tgħin lill-poplu.