It-tim imexxi minn Gareth Southgate se jkun qed jilgħab fil-kwartifinali kontra l-Iżvizzera b’ċans tajjeb li javvanza għas-semifinali. Minkejja dan l-Iżvizzera wrew il-potenzjal tagħhom meta bl-aktar mod konvinċenti fil-fażi tal-aħħar 16 għelbu u eliminaw lill-Italja.
Il-kowċ Ingliż mistenni jwettaq xi bidliet fil-formazzjoni inizjali hekk kif il-plejer Marc Guehi huwa sospiż. Southgate mistenni jibda lid-difensur ta’ Aston Villa Ezri Konsa fejn mistenni wkoll jibdel is-sistema u jilgħab b’formazzjoni ta’ 3-4-2-1 biż-żewġ plejers wara l-captain Harry Kane mistennija jkunu Phil Foden u Jude Bellingham.
Din se tkun ir-raba’ darba li dawn iż-żewġ nazzjonijiet se jkunu qed jilgħabu kontra xulxin f’tournament maġġuri u t-tielet darba f’Kampjonati Ewropej. L-Ingilterra rebħu żewġ partiti filwaqt li l-Iżvizzera rebħet partita b’konfront ieħor intemm fi draw.
Għat-tim Ingliż din se tkun ir-raba’ darba konsekuttiva li waslu sal-kwartifinali f’tournament maġġuri fejn irnexxielhom jikkwalifikaw għas-semifinali f’żewġ okkażjonijiet. Għall-Iżvizzera, din hija l-ħames darba li waslu sal-kwartifinali ta’ Tazza tad-Dinja jew Kampjonat Ewropew hekk kif dejjem kienu eliminati meta waslu f’din il-fażi.
F’kummenti mal-midja, Gareth Southgate qal li l-avversarji għandhom plejer ta’ kwalità li rnexxielhom jaddattaw għal stil ta’ logħob li jinvolvi pressing għoli. Southgate nnotta wkoll li l-avversarji huma wkoll tattikament flessibli u wrew li jistgħu ukoll jagħmluha diffiċli għat-timijiet li jilagħbu kontrijhom.
Minn naħa tiegħu, Murat Yakin qal li kull tim kbir jaspira li jkun f’din il-fażi ta’ kull kompetizzjoni. Hu qal li l-għan tat-tim tiegħu se jkun li kemm jista’ jkun jirnexxielhom jiffrustraw lill-avversarji u jilagħbu bil-mod tagħhom.
//= $special ?>