Futbol Sport

L-Olanda fis-semifinali tal-EURO għall-ewwel darba wara 20 sena

Ritratt: EPA

OLANDA ………. 2

TURKIJA ………. 1

Olanda: B.Verbruggen, D.Dumfries, S.De Vrij, V.van Dijk, N.Ake (M.van de Ven 74’), J.Schouten, X.Simons (J.Zirkzee 87’), T.Reijnders (J.Veerman 74’), S.Begwijn (W.Werghorst 46’), M.Depay (J.Frimpong 87’), C.Gakpo

Turkija: M.Gunok, M.Muldur (Z.Celik 83’), K.Ayhan (S.Kilicsoy 89’), S.Akaydin (C.Tosun 83’), A.Bardakci, F.Kadioglu, B.Yilmaz, S.Ozcan (O.Yokuslu 78’), H.Calhanoglu, K.Yildiz (K.Akturkoglu 78’), A.Guler

Imwissija: X.Simons (O) 30’, N.Ake (O) 54’, V.van Dijk (O) 64’

Skorjaw: S.Akaydin (T) 35’, S.de Vrij (O) 70’, (AG.) M.Mulder (T) 76’

Referee: Clement Turpin (Franza)

FL-Olympiastadion l-Olanda għelbu lit-Turkija bl-iskor ta’ 2-1 biex b’hekk saru magħrufa l-aħħar erba’ timijiet f’din l-edizzjoni tal-EURO 2024. L-Olanda issa jaffrontaw lill-Ingilterra filwaqt li Spanja se jiltaqgħu kontra Franza. Partita bilanċjata bejn żewġ timijiet li ħarġu biex jirbħu l-partita fid-90 minuta biż-żewġ timijiet ikunu pożittivi fl-attitudni tagħhom lejn din il-partita. Minkejja li l-Olanda bdew xi ftit bħala l-favoriti, dan ma kien inaqqas xejn mill-mertu tat-Turkija, li matul din l-edizzjoni urew futbol mill-isbaħ u organizzazzjoni mill-aqwa biex irnexxielhom jagħmluha s’hawnhekk. Kienu proprju t-Turkija li marru fil-vantaġġ fil-35 minuta meta minn cross mil-lemin tal-istilla ta’ Real Madrid, Arda Guler, kien Samet Akaydin li għola bir-ras fuq kulħadd u xeħet fix-xibka mill-viċin għal 1-0, bl-ewwel taqsima tintemm favur it-Turkija.

Fit-tieni taqsima l-Olanda ħadu ftit aktar ir-ridni f’idejhom u proprju fis-70 minuta kisbu l-gowl tad-draw meta din id-darba kien corner ta’ Memphis Depay li sab lid-difensur Stefan de Vrija li minn pożizzjoni favorevoli xeħet fix-xibka għal 1-1. Biex sitt minuti wara l-Olanda skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta Denzel Dumfries għadda lejn Cody Gakpo, bix-xutt ta’ dan tal-aħħar ikun imxellef fix-xibka minn Mert Muldur għal 2-1. Reazzjoni minn Turkija bix-xutt ta’ Arda Guler jaħbat mal-lasta, bil-gowler Olandiż Verbruggen ikun strumentali b’diversi ħarġiet u ‘saves’ mill-aqwa biex żamm lit-tim tiegħu f’din il-kompetizzjoni.

B’hekk l-Olanda għamluha għas-semifinali tal-EURO għall-ewwel darba wara għoxrin sena, bl-aħħar dehra tagħhom tkun fil-Portugall fl-2004.