Sport Waterpolo

Neptunes megħluba minn Sliema wkoll… Sirens fit-tieni post u Marsaskala jirbħu bl-għoti tal-penalties

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Żewġ telfiet għal Neptunes Videoslots fi spazju ta’ ġimgħa. Wara t-telfa kontra Sirens kienu megħluba wkoll minn Sliema Frank Salt 12-11. Konfront li fih Neptunes tilfu l-konċentrazzjoni mil-logħba milgħuba u kienu nervużi wisq tant li spiċċaw il-logħba mingħajr il-kowċ, l-assistent kowċ, il-kowċ tal-gowlkipers u ħames plejers li ġew fouled-out jew imkeċċija fost diversi protesti għad-deċiżjonijiet tar-referees.

Fl-ewwel sessjoni Sliema kellhom iwieġbu darbtejn minn Dino Zammit u Liam Galea biex ikkanċellaw il-gowls ta’ Jake Muscat u Mark Castillo. L-istess għamlu fit-tieni sessjoni sakemm Neptunes ħadu vantaġġ ta’ 5-3.

Sliema wettqu reazzjoni denja fit-tielet sessjoni u l-ewwel għamlu l-iskor 6-6 biex wara li Stevie Camilleri ħalla lil Neptunes minn fuq, Sliema marru 8-7 u 9-8 fil-vantaġġ. Sam Gialanze ġab id-draw fl-aħħar sessjoni iżda s-Slimiżi rritornaw fuq quddiem u kellhom vantaġġ ta’ 12-9.

Neptunes kienu mingħajr diversi plejers u tmexxija teknika iżda għalkemm dehru megħluba, wettqu reazzjoni b’gowls ta’ Dmitrii Kholod u Luigi Mallia filwaqt li setgħu ġabu d-draw lejn it-tmiem. Madankollu Sliema rnexxielhom iżommu l-gowl vantaġġ għal rebħa prezzjuża li tiswa wkoll biex jgħollu l-moral.

Marsaskala Optima rnexxielhom jieħdu rebħa wara li kważi tilfu dak li ħadmu għalih. Huma għelbu lil Ta’ Xbiex Amigos bl-għoti tal-penalties u minħabba regolament ġdid, logħba li tispiċċa draw irid xorta jkollha rebbieħ. It-tim rebbieħ jieħu żewġ punti u t-tim tellief jieħu punt.

Ta’ Xbiex kellhom vantaġġ ta’ 3-1 sakemm Marsaskala dawru r-riżultat sa tmiem l-ewwel sessjoni. Gowls ta’ Gerald Sammut, Max Farrugia u Raoul Greco taw vantaġġ ta’ 8-5 lil Marsaskala fit-tieni sessjoni u deher li kellhom il-kontroll.

Gowl uniku fit-tielet sessjoni ta’ Marko Jelaca żamm lil Ta’ Xbiex fil-logħba iżda fl-aħħar sessjoni Marsaskala ħadu vantaġġ ta’ 10-7 u ħasbu li kellhom il-logħba magħluqa. Kienet reazzjoni lejn it-tmiem ta’ Ta’ Xbiex li rkupraw l-iżvantaġġ b’gowl ta’ Jacob Saliba u doppjetta ta’ Jelaca lejn it-tmiem li sfurzaw il-penalties.

Kien l-istess Jelaca li falla l-penalty, b’Marsaskala jiskorjaw il-ħames penalties permezz ta’ Edoardo Manzi, Max Farrugia, Mark Carani, Raoul Greco u Jake Ciantar. Għal Ta’ Xbiex skorjaw Jacob Saliba, Jan Culic u Vito Figliomeni.

Sirens Build Fitness għalqu Grupp B b’rebħa komda fuq Marsaxlokk MFF. Id-differenza prinċipali saret fit-tieni sessjoni, b’ħames gowls konsekuttivi li kabbru l-vantaġġ għal 7-1, b’Daniil Merkulov jiskorja tlieta minnhom. L-istess għamel Matthew Sciberras fit-tielet sessjoni u kabbar id-distakk għal 14-5, b’Marsaxlokk jiskorjaw tliet gowls wara xulxin lejn it-tmiem tal-aħħar sessjoni biex għamlu d-distakk finali ftit rispettabbli.

TA’ XBIEX AMIGOS…………. 10

MARSASKALA OPTIMA…… 10

(3-4), (2-4), (1-0), (4-2)

(Marsaskala rebħu 5-3 bl-għoti tal-penalties)

Ta’ Xbiex: J. Micallef, J. Farrugia (1), V. Figliomeni, L. Grech Carr, F. Scardino (1), M. Jelaca (4), J. Saliba (1), A. Camenzuli, M. Soler, J. Culic (2), T. Fenech, P. Tabone (1), A. Theuma, G. Gatt

Marsaskala: A. Muscat, D. Ciantar, E. Manzi (1), J. Pace Mizzi, M. Carani, R. Greco (1), K. Navarro, M. Farrugia (2), K. Grech, G. Sammut (3), J. Ciantar (3), J. Colombo, M. Borg, N. Spiteri

Referees: Neville Mercieca, Luca Iacovelli

SIRENS BUILD FITNESS……. 16

MARSAXLOKK MFF………… 10

(2-1), (7-2), (5-2), (2-4)

Sirens: I. Schembri, P. Serracino, J. Chircop (2), P. Borg (1), J. Cachia, K. Agius, D. Merkulov (5), I. Riolo, J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (1), M. Sciberras (3), M. Azzopardi (1), J. Parnis, M. Ortoleva (2)

Marsaxlokk: M. Farrugia, M. Lanzon, A. Cook (1), B. Zammit, A. Aquilina, J. Valletta, R. Spiteri, J. Pawley, R. Galea (1), J. Borg Tabone (2), D. Vasic (6), R. Attard, M. Brimmer, S. Mifsud

Referees: Stefan Licari, Antonio Puglisi

NEPTUNES VIDEOSLOTS……. 11

SLIEMA FRANK SALT………… 12

(2-2), (3-1), (3-6), (3-3)

Neptunes: A. Borg Cole, D. Kholod (2), S. Gialanze (1), G. Pace (1), J. Camilleri, L. Mallia (1), S. Camilleri (3), M. Castillo (1), J. Muscat (1), J. Bajada, A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja

Sliema: N. Grixti, Z. Mizzi, L. Galea (2), J. Gambin (1), E. Schembri (1), B. Cachia (1), J. Cutajar (3), D. Rizzo, J. Brownrigg, A. Galea (1), S. Engerer, D. Zammit (2), M. Castillo, J. Cassar (1)

Referees: Ronnie Spiteri, Luca Iacovelli

Klassifiki fi tmiem il-Fażi Preliminari

Grupp A: San Ġiljan 15-il punt, Valletta 12-il punt, Birżebbuġa 9 punti, Marsaskala 5 punti, Ta’ Xbiex 4 punti, Barracudas 0 punti

Grupp B: Sliema 15-il punt, Sirens 12-il punt, Neptunes 9 punti, Marsaxlokk 6 punti, Otters 3 punti, Exiles 0 punti

Il-Kampjonat Premier se jkun magħmul minn Birżebbuġa, Neptunes, San Ġiljan, Sirens, Sliema u Valletta.

L-Ewwel Diviżjoni se jkun magħmul minn Barracudas, Exiles, Marsaskala, Marsaxlokk, Otters u Ta’ Xbiex.

Logħob li jmiss

Kampjonat Premier (Fażi tal-Cross Overs)

It-Tlieta 9 ta’ Lulju: San Ġiljan v Neptunes 7.15pm, Birżebbuġa v Sirens 8.30pm

L-Erbgħa 10 ta’ Lulju: Sliema v Valletta 8.30pm

L-Ewwel Diviżjoni (Fażi tal-Cross Overs)

It-Tlieta 9 ta’ Lulju: Barracudas v Exiles 6.00pm

L-Erbgħa 10 ta’ Lulju: Ta’ Xbiex v Marsaxlokk 6.00pm, Otters v Marsaskala 7.15pm