Lokali

Pass eqreb biex il-koppja Henry u Inez Casolani jsiru qaddisin

Fl-aħħar sigħat sar l-għeluq tal-inkjesti djoċesani għall-kawżi tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-koppja Henry u Inez Casolani.

Id-dokumetazzjoni u x-xhieda li nġabru mill-2015 f’dawn iż-żewġ inkjesti, issa se jintbagħtu Ruma sabiex id-Dikasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin fi ħdan is-Santa Sede jeżamina l-informazzjoni miġbura dwar il-ħajja qaddisa u l-fama tal-qdusija ta’ din il-koppja. Il-Postulatur li kkordina l-ħidma fuq iż-żewġ kawżi kien Patri Josef Sciberras OSA, filwaqt li x-xhieda ġiet miġbura minn membri tat-Tribunal Metropolitan.

Henry u Inez Casolani huma l-ewwel koppja lajka Maltija li ngħalaq il-proċess djoċesan għall-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tagħhom.

Ir-rit tal-għeluq tal-inkjesti u l-quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla li tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna, saru fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, l-istess knisja li fiha, Henry u Inez Casolani, iżżewġu 80 sena ilu.

Fost il-mistiedna preżenti għall-għeluq tal-inkjesti kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, l-Arċisqof Emeritu ta’ Malta Pawlu Cremona, u Sr Cecilia Casolani, bint il-koppja Casolani u llum hi s-Superjura ta’ Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar li hi mmexxija mis-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni. Waqt il-quddiesa kkonċelebraw l-Isqof Sandro Overend Rigillo, l-Arċisqof Emeritu George Frendo, il-Provinċjal tal-Agostinjani Patri Leslie Gatt u saċerdoti oħra.