Għall-ħames darba fostna, il-BBC Concert Orchestra reġgħet tat spettaklu mużikali mill-aqwa f’kunċert li ttella’ lbieraħ Fuq il-Fosos tal-Floriana li sellem is-suċċessi fir-ripertorju soul, rock u pop tal-leġġendarji Tina Turner, Aretha Franklin u Whitney Houston – l-irġejjen tas-soul.
L-attendenza ta’ madwar 12,000 tpaxxiet bl-interpretazzjonijiet brillanti tal-vuċijiet ċelebri ta’ Marisha Wallace, Vanessa Haynes, u Gloria Onitiri flimkien ma’ kantanti oħra. Il-BBC Concert Orchestra iffurmata minn 70 element, kienet stupenda fl-arranġamenti sbieħ, ħoss tajjeb u esekuzzjoni brillanti ta’ siltiet klassiċi, fosthom ‘What’s Love Got To Do With It’, ‘We Don’t Need Another Hero’, ‘I Will Always Love You’, ‘Respect’, ‘I Wanna Dance With Somebody,’ ‘One Moment In Time’, ‘River Deep Mountain High’, ‘I Knew You Were Waiting’, ‘Private Dancer’, u ‘Proud Mary’ li mhux biss dawk preżenti ħadu gost u kantaw magħhom, iżda żifnu mar-ritmu f’nostalġija ħelwa. It-tmiem kien spettakolari bis-silta ‘Simply The Best’ li ġabet fi tmiemu kunċert memorabbli taħt sema sajfija.
Il-kantant lokali Destiny fetħet dan il-kunċert b’diversi siltiet mir-ripertorju tagħha li wkoll kienet milqugħa tajjeb.
Dan il-kunċert mistenni jiġi mxandar fuq BBC Radio 2, stazzjon li jilħaq medja ta’ 14.2 miljun semmiegħ fil-ġimgħa. Il-kunċert, li twassal mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’organiżazzjoni ta’ 356 Entertainment, se jkun opportunità oħra li permezz tiegħu nkomplu naraw kwalità ogħla fil-prodott turistiku li joffri pajjiżna.
//= $special ?>