Lokali

Robert Abela ikompli jxerred misinformazzjoni dwar il-Partit Nazzjonalista

Robert Abela qed ikompli jigdeb dwar il-Partit Nazzjonalista.

U dan wara li l-Fact Checker tat-Times waqqa’ għal kollox ir-retorika ta’ misinformazzjoni li xerred u qed ikompli jxerred il-Prim Ministru nnifsu fejn qed jallega li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża l-Qorti kontra l-Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Dan bil-għan li jipprova jtaffi xi ftit mill-ħsara li qed issir wara li kien rappurtat kif Steward tajru l-miljuni – mit-taxxi tagħna – biex iffabrikaw fake news.

Iżda l-Fact Checker tat-Times wera ċar u tond li dan mhux il-każ, hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mad-Deputat Adrian Delia fil-fatt fetħu kawża kontra l-Avukat tal-Istat.

Bħalissa, il-Gvern ta’ Abela jinsab mill-ġdid taħt il-lenti – b’ħafna jistaqsu min kienu l-forzi mudlama li ħadmu id f’id ma’ Steward Healthcare biex inħolqot fake news fuq wieħed minn tagħhom stess.

F’intervista li Abela kellu s-Sibt filgħodu fuq l-istazzjonijiet tal-Labour, wieħed seta’ jinnota kif fid-diskors kontinwament kompla jattakka lill-Partit Nazzjonalista – kif għamel fil-kampanja elettorali. B’attakki kontinwi kontra Bernard Grech u Adrian Delia.

Dan meta kemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u anke x-Shadow Minister għas-Saħħa ilhom għal dawn l-aħħar xhur jaħdmu sabiex pajjiżna jġib lura l-€400 miljun li nsterqu mill-barranin bil-barka tal-Gvern Laburista.

Intant, quddiem il-prezzijiet esseġerata li l-poplu Malti u Għawdxi ilu jaffaċja ta’ kuljum għal dawn l-aħħar snin, Robert Abela kompletament tefa’ din ir-realta taħt it-tapit. Dan meta qal li pajjiżna għandna ekonomija vibranti… fl-istess żmien meta wieħed qed isibha kważi impossibli sabiex jasal sal-aħħar tax-xahar, b’mijiet li saħansitra qed jitolbu l-għajnuna għaliex lanqas biss jaffordjaw platt ikel sħun kuljum.

“Ekonomija vibranti,” qal Robert Abela.

Fi żmien meta għadd ta’ korpi kostitwiti, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, ilhom ix-xhur jappellaw għal bidla fil-mudell ekonomiku.