EURO 2024 Futbol Sport

Cristiano Ronaldo jagħti ħjiel li għad fadallu x’joffri għat-tim nazzjonali Portugiż

(Ritratt: EPA)

Sigħat wara l-eliminazzjoni tal-Portugall mill-Kampjonat Ewropew, il-captain Cristiano Ronaldo kiteb fuq il-media soċjali tiegħu u fl-ebda mument ma żvela li se jirtira mit-tim nazzjonali. Il-Portugiżi sfaw eliminati mill-kompetizzjoni bl-għoti tal-penalties minn Franza wara li ż-żewġ timijiet ma sabux ix-xibka wara 120 minuta ta’ logħob.

Ronaldo kkonferma fl-aħħar jiem li dan il-Kampjonat Ewropew hu l-aħħar wieħed tiegħu hekk kif l-attakkant ikollu 43 sena jekk il-Portugall tikkwalifika għall-edizzjoni li jmiss. Iżda fil-messaġġ tiegħu, il-veteran ta ħjiel li qed jistenna li jkun parti mill-iskwadra li qed tittama biex tkun parti mit-Tazza tad-Dinja li jmiss sentejn oħra.

“Ridna aktar. Kien ħaqqna aktar. Għalina. Għal kull wieħed minnkom. Għall-Portugall. Aħna grati għal dak kollu li tajtuna u għal dak kollu li ksibna sa issa. Fil-pitch u barra l-pitch, ninsab ċert li dan il-legat se jiġi onorat u se jkompli jinbena. Flimkien,” qal Ronaldo fil-profil tiegħu fuq X.

Cristiano Ronaldo kellu karriera impressjonanti mal-Portugall b’130 gowl f’212-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. L-attakkant hu l-aqwa skorer ta’ kull żmien fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew b’14-il gowl iżda f’din l-edizzjoni falla ċ-ċans li jsir l-ixjaħ plejer li skorja.

Wara t-telfa kontra Franza, il-kowċ nazzjonali tal-Portugall Roberto Martinez qal li kien għadu kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni dwar il-futur ta’ Cristiano Ronaldo mat-tim nazzjonali. Il-futur ta’ Ronaldo kien diġà f’dubju wara l-aħħar Tazza tad-Dinja iżda Martinez kien għamilha ċara meta ħa t-tmexxija tat-tim li Ronaldo kien parti mill-pjan tiegħu.

Cristiano Ronaldo temm l-Euro 2024 b’assist minn ħames logħbiet iżda beda l-logħbiet kollha u kien mibdul biss fl-aħħar logħba tal-grupp kontra Georgia.