Lokali

“L-iskandli kontinwi tal-Gvern qed jeqirdu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – Joe Farrugia

“Li tiftaħ il-ġurnali u ta’ kuljum tara skandlu ġdid tal-Gvern mhux sostenibbli.”

Sostna dan l-eks direttur ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia, f’intervista ma’ The Sunday Times of Malta hekk kif insista li l-iskandli qed jagħtu daqqa wara l-oħra lir-reputazzjoni tal-pajjiż… inkluż l-investiment barrani.

Farrugia sostna li Malta għandha ħafna x’toffri iżda r-reputazzjoni ta’ pajjiżna sejra mill-ħażin għall-agħar minn minuta għall-oħra.

Huwa saħaq li n-nuqqas kbir ta’ governanza tajba hija l-akbar sfida għall-ekonomija tal-pajjiż li qed isservi ta’ xkiel għall-investiment barrani u qed timbotta ‘l barra mill-pajjiż iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li qed ifittxu u jsibu xogħol barra minn Malta. 

Joe Farrugia, li kien ilu fit-tmexxija tal-MEA sa mill-2001, saħaq li l-inkjesta Vitals u l-għibien ta’ €400 miljun mit-taxxi tal-poplu kellhom iservu ta’ tagħlima u wirja ċara ta’ kif kienu qed jitmexxu l-affarijiet fl-aħħar snin… iżda ammetta li l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali jaf kien agħar.

Dan għaliex skont Farrugia, dan l-aħħar skandlu impatta lill-ġenerazzjoni żagħżugħa fejn għandha x’taqsam etika u valuri.

Joe Farrugia sostna li l-eżempju jkaxkxar hekk kif iż-żgħażagħ raw li tista’ takkwista l-flus mingħajr ma’ taħdem għalihom u l-flus takkwistahom mill-Gvern.  Huwa insista li mhux ta’ b’xejn wara dan kollu wiedna qed ifittxu li jmorru jaħdmu u jgħixu barra minn Malta.

Dan filwaqt li insista li l-ekonomija Maltija għandha bżonn tiġi riveduta b’mod qawwi, li l-Gvern jitbiegħed miċ-cheap labour u l-kostruzzjon, u jiddiversifika l-ekonomija għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.