Aħbar negattiva għat-tim nazzjonali Spanjol hekk kif ikkonfermaw li Pedri weġġa’ l-ligament intern tal-irkoppa x-xellugija. Il-midfielder ħareġ izappap fl-ewwel minuti tal-kwartifinali bejn Spanja u l-Ġermanja wara daħla xejn kumplimentuża mill-midfielder Toni Kroos. Pedri li għandu 21 sena, kien viżibbilment bid-dmugħ f’għajnejh meta kien mibdul, sinjal li ta ħjiel li kienet problema serja għalih.
It-tim nazzjonali Spanjol ma pprovda l-ebda żmien biex il-midfielder jirkupra b’mod komplet iżda diversi rapporti qalu li l-plejer jista’ jitlef tal-anqas sitt ġimgħat. Dan ifisser li Pedri se jitlef żgur is-semifinali u eventwalment il-finali jekk Spanja tirbaħ kontra Franza. Hu se jibqa’ ma’ sħabu sa tmiem il-kompetizzjoni.
Pedri b’hekk hu mistenni li jitlef il-preparazzjoni ta’ qabel l-istaġun ta’ Barcelona filwaqt li jinsab dubjuż għall-ewwel impenn fil-kampjonat kontra Valencia fis-17 ta’ Awwissu. Barcelona jilagħbu kontra Manchester City, Real Madrid u Milan f’partiti ta’ ħbiberija u kontra Valencia, Athletic Bilbao, Rayo Vallecano u Real Valladolid fl-ewwel erba’ logħbiet tal-kampjonat. Din mhux l-ewwel darba li Pedri weġġa’ kemm ilu jilgħab ma’ Barcelona iżda xorta lagħab 143 logħba minn meta għamel id-debutt mal-klabb fl-2020.
Il-kowċ nazzjonali Spanjol Luis de la Fuente kien kritiku għad-daħla ta’ Toni Kroos u saħaq li l-midfielder kien ħaqqu jitkeċċa, f’dik li eventwalment fissret l-aħħar logħba fil-karriera għall-midfielder Ġermaniż.
//= $special ?>