Il-kowċ nazzjonali tal-Ingilterra Gareth Southgate qal li t-tim tiegħu kellu l-aqwa prestazzjoni f’dan il-Kampjonat Ewropew wara l-kwalifikazzjoni għas-semifinali kontra l-Iżvizzera. L-Ingilterra eliminat lill-Iżvizzera bl-għoti tal-penalties wara li ż-żewġ timijiet baqgħu 1-1 sa tmiem il-ħin barrani.
Cole Palmer, Jude Bellingham, Bukayo Saka, Ivan Toney u Trent Alexander-Arnold kollha skorjaw il-penalty filwaqt li l-gowlkiper Jordan Pickford salva l-ewwel penalty tal-Iżvizzeri mogħti minn Manuel Akanji, episodju li spiċċa kien deċiżiv.
F’kummenti wara l-logħba, Southgate qal li l-plejers tiegħu kienu brillanti u żied li ħolqu ħafna problemi lill-avversarji. “Huma tim tajjeb ħafna. Diffiċli biex tippressa, diffiċli biex tiddefendi kontrihom u l-moviment tagħhom hu tajjeb.”
Southgate kompla li biex tim jirbaħ kompetizzjoni ma jgħoddx biss li tim jilgħab tajjeb. “Li tirkupra żvantaġġ, turi karattru u reżiljenza kif għamilna, tkellem lill-plejers fuqhom. Irid ikollok attributi oħra biex tirbaħ u waqt il-logħba urejniehom.”
Hu faħħar il-mod kif il-plejers Ingliżi kienu dixxiplinati biex ħolqu pressjoni fuq id-difiża avversarja u fl-istess ħin bidlu l-formazzjoni tattika. B’mod partikolari tkellem dwar l-irwol ta’ Phil Foden kif ukoll kif Kobbie Mainoo u Jude Bellingham imlew l-ispazji li ħallew l-Iżvizzeri.
Il-kowċ Ingliż kellu kliem ta’ tifħir ukoll għal mod kif l-Ingliżi taw il-penalties tagħhom u semma b’mod partikolari lil Saka li fil-finali tal-aħħar edizzjoni kien falla l-penalty deċiżiv. Minkejja s-sodisfazzjon ta’ Southgate dwar il-prestazzjoni tat-tim, l-Ingilterra rebħet biss logħba minn ħamsa fil-ħin regolamentari, b’rebħa ta’ 1-0 kontra s-Serbja fl-ewwel logħba.
//= $special ?>

