Lokali Parlament

Ebda tolleranza dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol


Stanley Zammit, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-Parlament li m’għandu jkun hemm ebda tolleranza dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.


Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Stanley Zammit qal li l-pajjiż jeħtieġ bidla fil-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u spjega kif seħħu wisq traġedji fil-pajjiż fl-aħħar snin, parikolarment it-traġedja tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Flok il-gvern ħadem bl-akbar saħħa dwar dan il-każ u jieħu l-miżuri preventivi kollha, il-Prim Ministru xegħel il-magni tad-dgħajsa.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ħela tmien xhur biex bdiet l-inkjesta pubblika li anlizzat il-proċeduri li wasslu għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Kien biss il-ġimgħa l-oħra li l-gvern ippubblika dna l-abbozz nofsu lest, sostna Stanley Zammit, li kompla li l-gvern naqas li jippjana b’mod serju b’urġenza.


Stanley Zammit qal li l-gvern naqas li jiddjaloga u żied li dan l-abbozz għandu numru ta’ kompromessi li mhux se jgħinu għall-bidla fil-kultura. Fil-pajjiż hawn problema kbira fejn jidħlu r-responabbiltajiet u ma sar xejn dwar diversi karigi importanti fil-proċess tal-bini, fosthom il-project supervisor.


L-abbozz hu dgħajjef biex is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tkun trattata b’mod pro-attiv u tonqos milli tipproteġi lill-impjegati fuq il-post tax-xogħol.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-impjegati għandu jkollhom il-faċilità li jirrapportaw il-perikli li jistgħu jiffaċċjaw ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol tagħhom. L-inkjesta pubblika wdar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia tispeċifika li hu meħtieġ li ma jisurx miżuri mhux kompluti. Il-gvern qed jipprova joħloq rwoli li jkunu abbużati bħas-site technical officer.


Stanley Zammit tkellem dwar ir-responsabbiltajiet tal-kuntratturi u x-xogħol tal-OHSA u qal li l-OHSA għandha tkun il-qalb u l-motivatur primarju mis-sistema ta’ dan l-interess pubbliku. Hu tratta l-kompożizzjoni tal-Bord tal-OHSA u qal li l-entitajiet involuti għandhom ikunu involuti fil-bord. Iċ-Chairperson tal-Bord tal-OHSA għandu jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi biex ikun assigurat li l-bord jiżgura li l-eżekuttiv iwettaq id-doveri tiegħu u li l-bord ma jkunx imxekkel minn indħil politiku.


Il-PN ma jaċċetta ebda tolleranza fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-abbozz hu nieqes mill-klassfikazzjoni dwar liema multi u pieni għandhom ikunu applikati dwar ir-riskju.