Lokali

Il-Gvern għadu ma ħallasx lil numru ta’ ħaddiema tal-films

Fuq il-midja soċjali tkellmet waħda minn 13-il persuna self-employed li ilhom xhur sħaħ jiġru wara l-Ministru Clayton Bartolo u l-Kummissarju tal-Films Johann Grech biex jitħallsu tax-xogħol li għamlu tliet snin ilu.

Hekk stqarret Lara Bella Vella Baldacchino, makeup artist li kienet involuta fi produzzjoni tal-Film Commission tliet snin ilu, flimkien ma’ diversi ħaddiema oħra li għadhom ma tħallsux għax-xogħol li għamlu.

Vella Baldacchino spjegat, li għadha sa issa flimkien mal-kollegi tagħha, tiġri kemm wara l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo, kif ukoll il-Kummissarju tal-Films Johann Grech sabiex titħallas għal xogħol li għamlet fil-perjodu tal-COVID. Xogħol li permezz tiegħu lanqas setgħet tmur id-dar mat-tfal tagħha għaliex kienet għaddejja l-pandemija.

Din l-artista spjegat li filwaqt li hi u l-kollega tagħha jridu jsibu mod kif jaqilgħu l-għejxien tagħhom, iħallsu l-kontijiet u jibqgħu għaddejin b’ħajjithom, “huma” b’referenza għal Bartolo u Grech, għandhom xi jberbqu fuq filmat qasir li allegatament sewa lill-pajjiżna – mit-taxxi tal-poplu – nofs miljun ewro.

Hi għamlet referenza wkoll għall-fatt li l-Ministru u l-Kummissarju tal-Films m’għandhomx grazzja mal-ħaddiema li jesprimu dak li jħossu; imma jridu biss persuni li jaċċettaw dak li jtuhom mingħajr ma jsaqsu ebda mistoqsijiet.

Fl-aħħar ġranet kienu ħafna ħaddiema, esponenti u atturi li kkundannaw l-mġiba tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li nefaq nofs miljun ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex sar filmat ta’ 10 minuti għall-Mediterrane Film Festival. Filmat li kien jinkludi lilu stess bħala protagonist ewlieni. Fost dawk li kritikaw b’saħħa, kien hemm l-attriċi u preżentatriċi Laburista Lara Azzopardi.

U minkejja din il-baraxx ta’ kritika lejn Johann Grech, kien il-Ministru Clayton Bartolo  stess li s-Sibt filgħodu ddikjara li “wara kulħadd għaref” u  minkejja li wissieh sabiex ma jerġax, huwa jinżalu l-kappell tax-xogħol li jagħmel.