Lokali Parlament

Il-Kummissarju għall-Istandards jikkonkludi li filmat ta’ Robert Abela li tħallas minn fondi pubbliċi kien biss propaganda


Il-Kummissarju għall-Istandards il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi ddikjara li filmat li juri lill-Prim Ministru Robert Abela f’Għawdex u li tħallas minn fondi pubbliċi kien biss riklam u li għalhekk inkisru l-kodiċi ta’ etika.


Din il-pożizzjoni l-Kummissarju għall-Istandards il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi għamilha meta llum kien qed jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.


F’dan il-kumitat il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Johanthan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul waqt li d-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut irrappreżentaw lill-Oppożizzjoni. Il-kumitat tmexxa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.


Il-kumitat iddiskuta rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar filmat tal-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ man-nies f’Għawdex flimkien mal-Ministru għal Għawdex. Dan il-filmat sewa €700 u tħallas minn fondi pubbliċi.


Il-Kummissarju għall-Istandards il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi qal li fil-filmat kien hemm clip tal-Prim Ministru f’Għawdex u spjega li dan il-filmat li hu riklam għaliex fih jidher biss il-Prim Ministru jitkellem man-nies u jieħu kafè.


Fl-opinjoni tiegħi dan hu riklam, sostna l-Kummissarju għall-Istandards, li kompla li hu kien stħajjel li dan il-filmat kien parti minn propaganda li ssir fl-elezzjonijiet.


Għalhekk deherli li dan kien każ ta’ prinċipju etiku għalkemm ma kienx każ gravi għaliex in-nefqa kienet waħda baxxa. Dan kien dnub venjali u għalhekk tlabt lill-Prim Ministru jitlob skuża iżda hu rrifjuta, sostna l-Kummissarju għall-Istandards. L-etika tmur lil hinn mil-liġi, qal il-Kummissarju għall-Istandards, li kompla li hu kien talab spjegazzjonijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar dan il-filmat f’Għawdex.


Il-Kummissarju Azzopardi qal li dan hu filmat li sar minn fondi pubbliċi u li fih, minkejja l-ammont żgħir ta’ flus involuti, iridu jkunu kunsidrati l-prinċipji. Hu kompla li dan il-filmat kien differenti minn intervisti li ta l-Prim Ministru mal-ġurnalisti wara xi summit tal-UE.


Il-Kummissarju Azzopardi qal li mhijiex regola li l-politiċi involuti jintalbu jħallsu l-ammont dovut minn flushom u żied li b’apoloġija mill-Prim Ministru kien jingħalaq il-każ.


Il-kumitat għamel riferenza għal każ simili li kellu l-Ministru tal-Finanzi Caruana li, minn jeddu, kien ħallas l-ammont dovut għall-filmat involut. Il-Kummissarju Azzopardi qal li anki f’dan il-każ ma kienx intalab li l-Ministru Caruana jħallas l-ammont dovut.


Il-Kummissarju għall-Istandards qal li fid-deċiżjoni dwar il-każ tal-Prim Ministru, ma straħx fuq il-linji gwida tal-etika. Hu spjega li l-Prim Ministru hu responsabbli għal dak li jwettaq is-segretarjat tiegħu anki jekk dan il-filmat ma kienx ħadmu hu. Fil-kumitat il-Kummissarju għall-Istandards iddikjara li dan il-filmat ma jwassalx informazzjoni lill-pubbliku iżda kien biss riklam personali.


Il-kumitat se jerġa’ jiltaqa’ biex jiddiskuti x’passi se jieħu dwar dan il-każ.