Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Il-Belt ta’ Gaza fil-mira tal-qawwiet Iżraeljani

Il-Palestinjani fil-Belt ta’ Gaza qed iġarrbu l-aktar bumbardamenti intensivi mindu l-qawwiet ta’ Iżrael daħlu fil-Medda ta’ Gaza biex jeliminaw lill-grupp Ħamas. Grupp li, fis-7 ta’ Ottubru, wettaq l-attakki terroristiċi bla preċedent fuq il-poplu Iżraeljan man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Sadanittant, it-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani qed javviċinaw iċ-ċentru tal-Belt ta’ Gaza minn diversi direzzjonijiet u bħala parti minn strateġija biex ma jippermettux lit-terroristi lokali jaħarbu lejn bnadi oħra.

Dan ukoll waqt li għaddejjin il-battalji mal-Ħamas f’diversi distretti lejn il-lvant u l-punent tal-Belt ta’ Gaza – bis-servizzi Palestinjani għall-emerġenzi ċivili jirreferu għal diversi mejtin u midruba.

F’din is-sitwazzjoni kellha ssir ukoll evakwazzjoni tal-pazjenti mill-isptar ta’ Al-Ahli u li ttieħdu lejn waħda mill-ftit faċilitajiet mediċi li għadhom qed jiffunzjonaw fil-Belt ta’ Gaza u li kienet diġà ffullata bil-pazjenti.

Qabel bdew l-attakk fuq il-Belt ta’  Gaza, il-qawwiet Iżraeljani kienu ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni taċ-ċivili Palestinjani minn diversi neighbourhoods taċ-ċentru.

Iżda z-zona ta’ Tel al-Hawa, li ma kenitx inkluża fid-direttivi għall-evakwazzjoni, fl-aħħar sigħat spiċċat iġġarrab l-aktar attakki feroċi tat-truppi u t-tankijiet tal-Iżraeljani. Dan meta kien għad fadal il-mijiet taċ-ċivili fl-inħawi.

L-attakki fuq il-Belt ta’ Gaza intensifikaw matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn filgħodu u b’ħafna residenti jispiċċaw iżolati f’numru ta’ zoni u mingħajr iċ-ċans li jaħarbu lejn postijiet xi ftit aktar sikuri.

Dan ukoll wara li għexieren ta’ Palestinjani ħarbu mid-distretti fil-Belt ta’ Gaza ladarba saru jafu bil-pjanijiet militari tal-Iżraeljani – u fejn spiċċaw imorru fl-inħawi li kienu diġà mira għall-bumbardamenti tal-qawwiet ta’ Iżrael.