Lokali

“Il-Ministru jgħid mod u l-Gvern jagħmel l-oppost” – PN

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà; Joe Giglio, ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali; u Bernice Bonello, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda; spjegaw kif ftit ġranet ilu, il-Ministru Chris Bonett qal li “se jisma’” u se jqabbad lill-esperti ta’ Infrastructure Malta biex jagħmlulu “rapport” fuq dak li qed tipproponi l-Kamra tal-Periti u kif jista’ jiġi mtejjeb il-proġett maħsub għall-Imsida biex jinkludi l-elementi li qed jipproponu.

Ħasra, komplew isostnu Sammut, Giglio u Bonello li s-CEO ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon, f’isem il-Gvern, is-Sibt waqt li kien qed jiġi intervistat mill-Prof. Andrew Azzopardi fuq RTK103, irredikola lill-Periti u qal li minkejja dak li qal il-Ministru, il-Gvern se jibqa’ għaddej bil-proġett kif kien propost. Persuna li la hu kwalifikat fid-disinn urban, la fl-immaniġġjar tat-traffiku u lanqas fid-disinn tat-toroq, ħareġ jgħid li l-Periti huma “superfiċjali”, “irresponsabbli” u jafu biss jużaw il-photoshop.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisma’ u jiltaqa’ ma’ kull min jixtieq iressaq ‘il quddiem kwalunkwe idea jew inizjattiva li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.