Il-Partit Nazzjonalista jemmen li biex ikollok sistema korrettiva tal-ħabs li taħdem, jiġifieri li joħroġ persuna riformata u aħjar minn qabel daħal fil-ħabs, il-Gvern irid jipprovdi ambjent san li jkollu l-kundizzjonijiet bażiċi kollha mistennija mis-soċjetà tal-lum. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, immexxijja mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott.
Madankollu, jidher li dan mhux il-każ fis-sitwazzjoni tal-ħabs bħalissa, fejn għandna Gvern iffukat biex isolvi skandli li ħerġin mill-ħabs u jara kif se jgħattihom minflok ma jiffoka kif se jtejjeb is-sistema korrettiva ta’ pajjiżna. B’mod partikolari, il-Partit Nazzjonalista jinnota n-nuqqas kbir fl-infrastruttura li hemm flimkien ma’ nuqqas ta’ apparat li jindirizza s-sħana li hemm fil-ħabs.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar fil-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri li jagħmel estensjoni strutturali u jtejjeb l-infrastruttura tal-faċilità attwali ta’ Kordin flimkien ma’ numru ta’ proposti li jindirizzaw il-problema ta’ ffullar fil-ħabs.
Il-Gvern jaf li, filwaqt li hemm bżonn ta’ attenzjoni serja u viżjoni bi proġett fit-tul għal titjib fl-infrastruttura tal-ħabs, hemm numru ta’ miżuri li jistgħu jsiru fl-immedjat biex jilqgħu għas-sħana tas-sajf, fosthom li tinbidel l-iskeda tal-ħinijiet ta’ matul il-ġurnata biex jiffrankaw is-sħana miċ-ċelel, kontroll u sorveljanza fuq it-temperaturi fiċ-ċelel, provvista ta’ ilma kiesaħ, azzjoni fuq is-sħana li jaqla’ l-bejt u tingħata attenzjoni speċjali lill-priġunieri li għandhom problemi ta’ saħħa minħabba s-sħana.
Madnkollu, xorta jibqa’ l-bżonn ta’ azzjoni ta’ proġett fit-tul, b’investiment fl-infrastruttura.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-persuni kollha li juru interess ġenwin fil-kundizzjonijiet tal-priġunieri u tal-gwardjani fil-faċilità ta’ Kordin, tant li jiġbdu l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-ħabs.
Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-opportunità wkoll biex ifakkar dwar is-skiet tal-Gvern Laburista dwar l-istejjer li ħerġin mill-ħabs dwar laqgħa sigrieta li saret bejn il-Head of Strategy Svetlana Muscat, Yorgen Fenech u persuna oħra minn barra l-ħabs, li sal-lum għadhom ma ttieħdu l-ebda passi konkreti biex jindirizzaw dak rappurtat, tant li sal-lum is-saltna tad-dritt għadha ma tapplikax fuq l-amministrazzjoni tal-ħabs.
//= $special ?>