Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista żamm il-kelma mal-Koperattivi”

“Il-Partit Nazzjonalista żamm il-kelma mal-Koperattivi f’pajjiżna fejn b’mod konsistenti tellajna dan is-suġġett fuq l-aġenda Nazzjonali tant illi matul l-aħħar sena, filwaqt li żammejna kuntatt dirett mar-rappreżentanti tal-koperattivi f’pajjiżna, organizzajna Konferenza Nazzjonali kif ukoll għamilna żjarat għand numru ta’ koperattivi.”

Dan qalu s-Shadow Minister responsabbli mill-SMEs u l-Koperattivi, Robert Cutajar, meta kien qed jindirizza l-Konferenza Nazzjonali organizzata mill-Fond Ċentrali tal-Koperattivi fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-koperattivi.

Robert Cutajar għal darb’oħra reġa’ appella lill-Gvern sabiex b’mod immedjat itella’ fuq l-aġenda Parlamentari l-abbozz ta’ liġi sabiex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni relatata ma’ dan is-settur. Hu qal li mhux aċċettabbli li l-koperattivi jibqgħu jiġu mwiegħda mill-Gvern numru ta’ snin dwar din il-liġi.

Huwa appella lill-Gvern sabiex bis-serjetà jagħti widen għal dak li qed jgħidu l-koperattivi u li allura għandu jkun rifless fil-liġi li sa issa tħalliet fuq l-ixkaffa. Id-Deputat Nazzjonalista insista li l-Gvern għandu bis-serjetà jikkonsulta ma’ dawk kollha involuti fil-koperattivi.

Sostna wkoll li l-Gvern, kontra dak li jeżisti llum, għandu jara li jkunu r-rappreżentanti tal-koperattivi li jkollhom il-maġġoranza tal-membri fil-Bord tal-Fond Ċentrali tal-Koperattivi.