Ewropa Internazzjonali

Il-Patrijotti għall-Ewropa jsiru t-tielet l-akbar partit fil-Parlament Ewropew

Il-Patrijotti għall-Ewropa, iffurmat mill-MEPs ta’ Viktor Orban u Marine Le Pen, għadu kif sar it-tielet l-ikbar partit fil-Parlament Ewropew. Dan il-partit ġie ffurmat il-ġimgħa l-oħra, u sab appoġġ minn diversi deputati, biex ħa post il-grupp imsejjaħ Identità u Demokrazija (ID).

Patrijotti għall-Ewropa jinkludu l-MEPs tar-Rally Nazzjonali u tal-Lega Taljana.

Issa, huwa l-partit ta’ Marine Le Pen li għandu l-akbar ammont ta’ deputati f’dan il-grupp – b’kollox 30 MEP.

Patrijotti għall-Ewropa ser ikollu wkoll 11-il membru mill-partit ta’ Orban – il-Fidesz – tmien membri mill-partit ta’ Matteo Salvini, u seba’ membri oħra mill-partit ta’ Andrej Babis.

It-total ta’ MEPs fi ħdan Patrijotti għall-Ewropa huwa ta’ 84, u d-delegazzjonijiet l-oħra li qed jikkontribwixxu għal dan in-numru tal-MEPs huma l-Freedom Party tal-Awstrija, il-Vox ta’ Spanja, il-partit tal-PVV tal-Olanda, kif ukoll diversi partiti oħra.

Il-President tal Patrijotti għall-Ewropa, Jordan Bardella, stqarr li dan il-partit ser ikun qed jirrappreżenta tama ġdida għal miljuni ta’ nies Ewropej li għandhom għal qalbhom l-identità, is-sovranità kif ukoll il-libertà tagħhom.