Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol Byron Camilleri ddikjara fil-Parlament li hu jaħseb li issa m’hemmx bżonn iktar ħaddiema barranin li jaħdmu mal-kumpaniji li jwasslu l-ikel fid-djar u xufiera li jaħdmu bil-Y plates.
Din id-dikjarazzjoni tal-Ministru Camilleri waslet wara li kienet rappurtata s-sitwazzjoni ta’ cheap labour li fiha qed jaħdmu numru ta’ ħaddiema barranin magħrufa bħala couriers li jieħdu l-ikel fid-djar. Dan il-każ kien rappuratat minn The Times u fih diversi ħaddiema barranin qalu li kienu għamlu strike minħabba li l-kumpanija li jaħdmu magħha kienet qed tħallashom bit-€3 kull siegħa u li huma qed ikollhom id-drittijiet tagħhom tax-xogħol miksura.
Il-ħaddiema qalu li huma qed jaqilgħu madwar €700 fx-xahar li minnhom iridu jħallsu l-akkomodazzjoni ta’ ħafna ħaddiema fl-istess post, u jibagħtu flus lill-familji tagħhom lura f’pajjiżhom. Huma sostnew li dawn ma kinux kundizzjonijiet tax-xogħol aċċettabbli.
Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Camilleri ma kienet ibbażata fuq l-ebda studju tal-gvern dwar kemm dan il-pajjiż għandu bżonn ħaddiema barranin u f’liema setturi. Ftit ġranet ilu l-Ministru ta-Finanzi Clyde Caruana qal li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hi waħda li fiha sa tmien din il-leġiżlatura l-popolazzjoni se tiżdied għal 600,000. F’intervista preċedenti l-Ministru Clyde Caruana kien anki iddikjara li jekk mhux se jkun hemm bidla fid-direzzjoni l-popolazzjoni se tkun telgħet għal 800,000. Fl-aħħar 11-il sena, il-gvern Laburisat importa iktar minn 100,000 ħaddiem barrani.
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo staqsa x’se jagħmel il-Ministru Camilleri dwar dan il-każ meta lil dawn il-ħaddiema qallhom biss li kellhom raġun u kif ma kkummenta xejn dwar il-fatt li dawn il-ħaddiema qed jiġu sfruttati għax qed jaqilgħu inqas mill-paga stabbilita mil-liġi.
Il-Ministru Camilleri qal l-pajjiż qed jiċċelebra d-drittijiet tal-ħaddiema u din is-sitwazzjoni għandha tkun investigata. Hu żied li ma kienx hemm rapport dwar din is-sitwazzjoni iżda se ssir laqgħa ma Jobsplus dwar dan il-każ biex jittieħdu l-azzjonijiet kollha. Byron Camilleri qal li mhux se jkun aċċettat li dawn il-ħaddiema jitkeċċew biex jinġiebu barranin oħrajn flokhom. Pajjiżna għandu jkun ċar, sostna l-Ministru Camilleri.
//= $special ?>