Futbol Sport

Kuntent li jien il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans u kuntent bl-iskwadra li għandna – Alessandro Zinnari

(Ritratt: Joseph Galea)

Lejlet il-konfront mill-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League bejn iċ-champions lokali Ħamrun Spartans u dawk ta’ Ġibiltà Lincoln Red Imps, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-Centenary Hall f’Ta’ Qali, il-kowċ tal-Ispartans Alessandro Zinnari ma kellu xejn ħlief kliem pożittiv fuq ix-xogħol li twettaq matul is-sajf mill-ammininstrazzjoni, speċjalment mill-President Joseph Portelli u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Ħamrun Marcel Bonnici.

Mistoqsi dwar kemm hux sodisfatt bl-iskwadra li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu u fuq l-akkwisti l-ġodda, l-eks kowċ ta’ Santa Lucia qal li l-ewwel nett jinsab kuntent li hu l-kowċ ta’ Ħamrun Spartans speċjalment li issa ra x-xogħol siewi u professjonali li flimkien miegħu wettqet l-amministrazzjoni biex ġiet kompluta skwadra li hi waħda kompetittiva. Zinnari kompla jgħid li ma jħobbx jitkellem fuq plejers individwali u fuq akkwisti ġodda, iżda jħobb jitkellem fuq it-tim u qal li jinsab ċert li t-tim huwa wieħed b’saħħtu fejn irrimarka li l-plejers Maltin ewlenin tal-klabb baqgħu kollha hemm u għalhekk il-bażi baqgħet l-istess.

Dwar l-avversarji Zinnari qal li Lincoln Red Imps huwa tim validu ħafna, b’kowċ bravu bħalma huwa l-Ispanjol Javi Muñoz, li l-istaġun li għadda għamel biċċa xogħol tajba ħafna u ċert li se jkompli jagħmel dan l-istaġun. Il-kowċ ta’ Ħamrun Spartans iddeskriva dawn il-logħbiet li ġejjin bħala żewġ finali li bla dubju li hu, u t-tim tiegħu se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex iġibu l-aħjar riżultat possibbli. Mistoqsi dwar il-kundizzjoni tal-iskwadra, Zinnari wieġeb li għalkemm it-tim kellu pre-season intensiv, ma hemm l-ebda problema fil-kundizzjoni tal-plejers u li kollha jinsabu għad-dispożizzjoni tiegħu.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-captain ta’ Ħamrun Steve Borg li minn naħa tiegħu qal li jemmen li t-tim jinsab preparat għal dan il-konfront u li lesti li jkunu ta’ oppożizzjoni diffiċli għall-avversarji. Borg kompla jgħid li t-tim kollu se jkun qed jinżel bil-mentalità li jikkwalifikaw għar-round li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni.

Ħamrun jilqgħu lil Lincoln Red Imps ta’ Ġibiltà, għall-ewwel leg tal-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, għada t-Tlieta, fis-18:45 fis-Centenary Stadium.

Ritratt ta’ Joseph Galea waqt sessjoni ta’ taħriġ ta’ lejlet il-partita kontra Lincoln Red Imps