Lokali

L-Awditur Ġenerali jikkonferma li l-ministri tal-finanzi u tas-saħħa qatt ma ġew konsultati dwar id-deal ta’ Vitals

Rapport li ħareġ mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u li ġie ppreżentat fil-Qorti juri kif id-deal tat-tliet sptarijiet kien kollu f’idejn il-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi.

Dan ħareġ mill-Qorti meta t-Tnejn komplew jinstemgħu aktar xhieda u preżentati aktar provi dwar il-persuni akkużati bi frodi relatati mal-ftehim tal-isptarijiet.

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li r-rapport tal-NAO ma sabx nuqqasijiet dwar kif aġixxew l-Eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn jidħol dan id-deal; ftehim meqjus mill-Qorti bħala wieħed frawdolenti.

Deguara qal fil-qorti li minkejja li d-deal kien jinvolvi t-tliet sptarijiet tant importanti għal pajjiżna, Konrad Mizzi kien il-moħħ uniku wara dan l-iskandlu; b’esperti fis-settur tħallew kompletament barra mill-istampa, u l-kwistjonijiet li qamu dwar is-settur tas-saħħa qatt ma ġew indirizzati.

Huwa kompla jispjega kif minn dak li raw, kieku fil-passat sar due diligence kif suppost kieku l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet, qatt ma kienet tingħata.

Dan filwaqt li fakkar fl-importanza ta’ dan il-proċess, b’mod speċjali f’dan il-każ fejn ħarġu l-miljuni ta’ ewro, sabiex pajjiżna verament igawdi minn governanza tajba.

L-Awditur Ġenerali kkonferma li hu ma setax jiskrutinja la l-kumpaniji Vitals u lanqas Steward hekk kif dawn huma kumpaniji privati u mhux entitajiet pubbliċi.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-Grupp Parlamentari Laburista kollu ta’ dak iż-żmien mhux talli ma lissinx kelma dwar din il-konċessjoni, iżda saħansitra vvota favur li parti kbira mis-settur tas-saħħa ta’ pajjiżna jaqa’ taħt idejn il-barranin għal snin sħaħ. Snin sħaħ li matulhom mhux biss il-poplu tilef il-miljuni ta’ ewro minn butu, iżda saħansitra spiċċa b’settur tas-saħħa li tħalla għarkupptejh – minkejja l-miljuni kbar li ngħataw, bil-barka wkoll ta’ Chris Fearne u Edward Scicluna.