Internazzjonali

L-Ukrajna: Maqtula mill-missili fi Kiev u bliet oħra… bi sptar tat-tfal ukoll jisfa mira għar-Russi

Il-qawwiet tar-Russja wettqu waħda mill-akbar attakki fuq Kiev u bliet oħrajn tal-Ukrajna, bir-riżultat li mietu ‘l fuq minn 30 u b’ħafna oħrajn jisfaw midruba. Intant, numru ta’ missili kienu mmirati kontra sptar, fil-kapitali. li jieħu ħsieb it-tfal morda u li ġarrab il-ħsarat kbar b’konsegwenza.

Il-fatt li l-attakk twettaq fid-dawl tax-xemx qed jitqies bħala xi ħaġa rari għar-residenti ta’ Kiev mindu l-qawwiet Russi invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Sadanittant, kien ikkonfermat li fl-attakk inqatlu erbat itfal fl-Isptar ta’ Ohmatdyt u li hu wkoll l-akbar faċilità tal-pedjatrija fl-Ukrajna.

Fl-attakki, inqatlu wkoll għaxra fil-belt ta’ Kryvyi Rih, fost rapport ta’ vittmi oħrajn fl-inħawi ta’ Pokrovsk u  Dnipro.

Minn naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky ħalef li jirritalja kontra l-Kremlin ta’ Moska ‘għall-aħħar f’lista twila ta’ reati tal-gwerra’. Zelensky sama’ bl-attakk fuq l-isptar waqt li kien għaddej bi żjara fil-Polonja fejn hu kien iffirma patt tas-sigurtà mat-Tmexxija f’Varsavja.

L-aħħar mewġa tal-attakki mir-Russi laqtu wkoll l-inħawi ta’ Sloviansk u Kramatorsk, u fihom intużaw aktar minn 50 missila ta’ diversi tipi, Dan waqt li r-Russi ma diskriminawx bejn il-miri militari tal-Ukreni, il-bini tal-appartamenti fejn qed jgħixu l-familji u l-infrastruttura ċivili.

Fl-istess ħin, qed jingħad li ‘mas-70 fil-mija’ tal-isptar ta’ Ohmatdyt ġarrab il-ħsarat sostanzjali.

Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi qed jevakwaw il-pazjenti minn dan l-isptar u jittrasferuhom lejn il-kumplessi mediċi oħrajn fil-viċin – u meta t-tobba qed jitrattaw lill-għexieren tat-tfal fis-swali milqutin mill-missili tar-Russi.

Sadanittant, għaddejja anki l-ħidma biex jinħarġu xi persuni maqbudin taħt it-tifrik tas-sezzjonijiet tal-isptar li ntlaqtu direttament mill-missili – u meta t-tobba, membri oħrajn tal-istaff mediku u voluntiera ċivili qed jgħinu lil xulxin f’dan l-impenn uman.