Lokali

Laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Viċi Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Internazzjonali

F’laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddiskuta mal-Viċi Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Internazzjonali, Lu Kang, dwar opportunitajiet li jista’ jkun hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.

Bernard Grech tkellem dwar l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet għall-kummerċ u l-investiment, inklużi modi kif jiġi attirat investiment Ċiniż fis-setturi tal-infrastruttura, it-turiżmu u t-teknoloġija ta’ Malta. Id-diskussjonijiet waslu wkoll għal qbil dwar strateġiji biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali.

Minn naħa tiegħu, Lu Kang enfasizza l-importanza li jissaħħu d-djalogu politiku u r-relazzjonijiet diplomatiċi għal ftehim reċiproku fuq diversi kwistjonijiet li jistgħu jiżviluppaw ‘il quddiem.

Huma ddiskutew ukoll il-possibbiltà tal-kollaborazzjoni fuq avvanzi teknoloġiċi u innovattivi, partikolarment f’oqsma bħall-ekonomija diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, u l-enerġija rinnovabbli.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm fost oħrajn is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Galea.