Fl-intervista li Robert Abela ta fuq Super One jumejn ilu u fid-diskors li għamel illum fil-Parlament, ipprova jagħti l-impressjoni li għalih is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol f’daqqa waħda saru prijorità wara li ilu jkaxkar saqajh dwar dan is-suġġett għal aktar minn sena.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li eżattament bħal jumejn ilu sena, fil-Parlament, Robert Abela kien iddeskriva Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, li kellha tinvestiga fost l-oħrajn ir-regolamentazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol bħala “show” u kien ressaq emendi biex ma ssirx Inkjesta Pubblika.
L-Inkjesta finalment kienet saret wara insistenza tal-familja, tall-Partit Nazzjonalista, u tas-soċjetà ċivili. U meta ħarġet, l-Inkjesta kienet sabet lill-Gvern responsabli tal-mewt b’nuqqasijiet, inkluż fejn jidħol l-OHSA.
Minbarra l-Inkjesta, sena ilu kien hemm konsultazzjoni pubblika dwar riforma għall-OHSA, liema konsultazzjoni wara li għalqet, apparti li għadhom sal-lum qatt ma ġew ippubblikati l-proposti, baqgħet fuq l-ixkaffa għal sena.
Il-PN sostna li kieku s-saħħa u s-sigurtà huma verament prijorità għal Robert Abela u l-Gvern tiegħu, messu ma kaxkarx saqajh dwar dawn ir-riformi biex u mbagħad jiftaħar fuq riformi li jmisshom ilhom li saru.
//= $special ?>