Id-difensur Ingliż Luke Shaw qal li jinsab fiżikament tajjeb u lest li jilgħab 90 minuta. Shaw, li bħala xellugi hu l-uniku plejer li jista’ jilgħab fuq il-linja xellugija, ma kienx inkluż fl-ewwel erba’ logħbiet minħabba li kien għadu qed jirkupra wara li weġġa’ l-hamstring.
Il-plejer ta’ Manchester United daħal bħala sostitut is-Sibt li għadda fir-rebħa kontra l-Iżvizzera u qal li jinsab lest biex jilgħab parti akbar fit-tim Ingliż. “Naħseb li jien fiżikament tajjeb. Dik hi deċiżjoni ta’ Gareth (referenza għal Gareth Southgate). Ninsab fiżikament lest.”
Shaw daħal bħala sostitut fit-78 minuta kontra l-Iżvizzera, f’dik li kienet l-ewwel dehra tiegħu f’logħba kompetittiva minn meta weġġa’ fil-bidu ta’ Frar. L-għażla tiegħu fl-iskwadra Ingliża kienet punt ta’ kritika fil-konfront ta’ Southgate minħabba li ma kienx tajjeb għal-logħob mill-ewwel konfront.
Southgate beda jittama li jirkupra lil Shaw fil-fażi tal-gruppi iżda dam aktar milli mistenni biex jirkupra. B’hekk Kieran Trippier kellu jilgħab f’pożizzjoni mhix solita għalih fuq in-naħa xellugija tad-difiża, għalkemm fil-passat kien lagħab f’dan ir-rwol.
Shaw qal li dawn l-aħħar erba’ xhur kienu diffiċli ħafna għalih anki għaliex kien mistenni li jirkupra aktar malajr. Hu kkonferma li l-ħsieb kien biex jilgħab fit-tieni jew fit-tielet logħba iżda sfortunatament għalih il-pjan ma marx kif xtaq. Hu rringrazzja lill-kowċ nazzjonali Gareth Southgate, lill-assistent tiegħu Steve Holland u t-tim mediku tal-paċenzja li ħadu bih.
//= $special ?>