Matul din il-ġimgħa, se titwassal edizzjoni oħra tal-Malta Jazz Festival li mill-1991 sal-lum dan il-festival baqa’ dejjem konsistenti u joffrilna l-aqwa ingredjent, bl-aqwa artisti li joffri x-xenarju jazz internazzjonali.
Il-Malta Jazz Festival 2024 se jittella’ bejn it-8 u t-13 ta’ Lulju f’diversi postijiet madwar il-Belt Valletta li jilħaq il-qofol tiegħu f’Ta’ Liesse. Sandro Zerafa, id-direttur artistiku, ħejja programm eċċitanti b’taħlita eklettika ta’ artisti internazzjonali rinomati u talent lokali emerġenti.
Is-separju jitla’ llum, 8 ta’ Lulju fil-lukanda Excelsior, fil-Floriana, bil-kunċert tal-ftuħ bis-sehem ta’ Daniele Cordisco Trio. Il-kitarrista Cordisco ġej minflok Gianluca Figliola kif kien imħabbar aktar qabel. Cordisco huwa wkoll wieħed mill-esponenti ewlenin tal-kitarra bebop fl-Italja. Daniele Cordisco se jkun qed jippreżenta programm ta’ melodiji be-bop u hard bop u xi materjal mill-Great American Songbook. Se jingħata ġieħ xieraq lil Bud Powell li din is-sena niċċelebraw l-anniversarju taċ-ċentinarju tiegħu. Gianluca se jkun akkumpanjat mid-drummer Franċiż Lionel Boccara u l-bassista lokali Oliver Degabriele.
Għada, id-9 ta’ Lulju, l-appuntament ikun għas-City Theatre fil-Belt fejn hemm se jdoqq il-kitarrist Tom Ollendorff li se tkun l-ewwel żjara tiegħu fil-Malta Jazz Festival bħala parti mit-tour Ewropew bi promozzjoni għall-album il-ġdid tiegħu Open House. Dan iħaddan sensibbilità u sofistikazzjoni li jpoġġi l-istatus ta’ Ollendorff bħala wieħed mill-aqwa kitarristi emerġenti fix-xena jazz internazzjonali. Jingħaqdu ma’ Tom għal dan il-kunċert hemm James Maddren (drums) u Conor Chaplin (bass).
Fl-10 ta’ Lulju, id-drummer Franċiż Philippe Soirat flimkien ma’ Vincent Bourgeyx (pjanu), Yoni Zelnik (bass), u David Prez (sax) se jagħtu prestazzjoni fis-City Theatre fil-Belt. L-għada fl-istess post, l-attrazzjoni tkun Mônica Salmaso li hija meqjusa bħala waħda mill-vuċijiet l-aktar importanti fil-Brażil fl-aħħar deċenji. Salmaso ħarġet sensiela ta’ albums tajba, fosthom Voadeira, laiá, Noites de Gala, Samba Na Rua, u Corpo de Baile li rebħu bosta premjijiet. Hija se tkun flimkien mal-pjanista Nelson Ayres u Teco Cardoso li jdoqq strumenti tan-nifs, fosthom sax u flawt. Dan it-trio jesplora l-kanzunetti klassiċi Brażiljan u stili varji f’dak li hu samba u l-waltz. It-trio jinterpreta biċċiet ta’ Villa-Lobos, valz Brażiljani mill-bidu tas-seklu 20, sambas qodma, kanzunetti liriċi ta’ Tom Jobim u Vinicius de Moraes.
Sammy Galea
Tislima lil Sammy Galea f’Ta’ Liesse
Il-Ġimgħa, 12 ta’ Lulju l-ispettaklu tal-Jazz ikun f’Ta’ Liesse għax-xenarju u l-isbuħija tal-Port il-Kbir. Dominic Galea Jazztet se jsellem il-memorja ta’ missieru Sammy (1934-2021), pjanista u kompożitur ċelebri li din is-sena kieku kien jagħlaq 90 sena. Amblers huwa album li fih insibu l-kompożizzjonijiet ta’ Sammy li kiteb fis-sittinijiet u sebgħinijiet ispirati mill-klassiku modern u l-post-bop jazz, liema idjomi kienu kontemporanji meta kkomponihom. Sammy Galea dejjem żamm profil baxx iżda l-kompożizzjonijiet tiegħu kienu innovattivi li ħallew marka wkoll fl-istorja tal-jazz f’Malta. Dominic Galea se jkollu miegħu lil Alan Barnes (also sax)/klarinett), Oliver Degabriele (bass), Clark Tracey (drums).
Wieħed mill-aqwa artisti tal-jazz
Exponent ieħor f’Ta’Liesse se jkun Walter Smith III Quartet. Minkejja bidu umli, Smith huwa milqugħ bħala wieħed mill-aqwa artisti tal-jazz, barra li kien membru ta’ diversi gruppi leġġendarji fix-xena jazz. L-album tiegħu In Common III kien milqugħ tajjeb għall-innovazzjoni tiegħu li inkluda lil Matt Stevens u Dave Holland. Il-kwartett huwa ffurmat mis-sassafonista Walter Smith III, Danny Grissett (piano), Joe Sanders (bass), u Bill Stewart (drums).
Illejla tal-Ġimgħa tingħalaq mill-banda versatili Something Else! li se twassal prestazzjoni mill-aqwa ta’ soul jazz. Din il-banda hija mmexxi mis-sassafonista Vincent Herring, b’lineup li tinkludi seba’ mużiċisti. Herring jistqarr li dawn il-mużiċisti huma fost l-aqwa. Il-banda ddoqq arranġamenti ġodda ta’ klassiċi tal-ġeneru Soul Jazz bħal Freddie Hubbard, George Benson, Horace Silver, Bobby Timmons u oħrajn, u kompożizzjonijiet oriġinali fl-istess stil b’improvizzazzjoni ħajja u mexxejja li se jogħġbu l-udjenzi. Il-banda hija ffurmata minn Vincent Herring (sax alto), Binker Golding u Wayne Escoffery (sax tenur), Jeremy Pelt (trumbetta), Dave Kikoski (pjanu), Paul Bollenback (kitarra), Essiet Essiet (bass), u Lewis Nash (drums).
Spettaklu fl-aħħar jum
L-aħħar jum tal-Malta Jazz Festival għal din is-sena, Ta’ Liesse se jilqa’ lil Jes Psaila, The Hinge Project, kwartett li jdoqq mużika fusion b’kompożizzjonijiet jazz, rock u melodiji tajbin. L-ewwel album li jġib l-isem ta’ dan il-proġett kien inħareġ fl-2021 u riċentament nieda l-album Causatum. The Hinge Project huwa ffurmat minn Jes Psaila (kitarra), Mark Attard (keyboards), Luke Briffa (drums), u André Micallef (bass).
Attrazzjoni oħra fil-lejla tas-Sibt se jkun it-Trio Grande, b’Nate Wood jagħti spettaklu bid-daqq tad-drums u l-bass fl-istess mument, xi ħaġa impressjonanti. It-Trio Grande jinkludi wkoll is-sassofonista Will Vinson u l-kitarrist Gilad Hekselman.
Chief Adjuah
It-trumbettista Chief Adjuah, li qabel kien Christian Scott, huwa mużiċist, kompożitur u produttur li ġie nominat għall-Grammy. Ispirat u mmexxi mill-ikona tal-jazz Donald Harrison Jr., il-karriera ta’ Adjuah tifrex fuq 12-il studio album u jitqies bħala l-pijunier fil-ġeneru “Stretch Music”. L-impatt tiegħu jestendi lil hinn mill-mużika, jippromwovi kawżi soċjali u jirrevoluzzjona d-disinn tal-istrumenti tar-ram. Ma’ Chief Adjuah, se jdoqqu Cecil Alexander (kitarra), Ryoma Takenaga (bass), Ele Howell (drums), u Weedie Braimah (perkussjoni).
Jam session u kunċerti oħra
Attrazzjoni oħra ta’ mużika jazz matul il-Malta Jazz Festival propju bejn id-9 u l-11 ta’ Lulju, se tkun il-jam session fl-Offbeat, fil-Belt, li tibda fl-10pm. Din is-sessjoni se titwassal mill-pjanista Leo Montana flimkien ma’ Yoni Zelnik (bass), u Francesco Ciniglio (drums).
Għall-ħin ta’ nofsinhar ta’ bejn il-11 u t-13 ta’ Lulju, ħdejn il-bini tal-Parlament fid-daħla tal-Belt, se jittellgħu l-Lunch Time concerts bis-sehem ta’ diversi mużiċisti lokali. Il-Malta Jazz Festival qed joffri serata għat-tfal, kunċert fi Spazju Kreattiv nhar it-13 ta’ Lulju fl-11am. Dan se jsir mill-kantanta bbażżata f’Pariġi, Julie Erikssen li se tieħu lit-tfal fi vjaġġ interattiv fl-istorja tal-jazz. Jakkumpanja lil Julie Erikssen se jkun hemm il-pjanista Manuel Rocheman.
Il-Malta Jazz Festival huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Visit Malta u l-għajnuna ta’ GSD Marketing Ltd. Il-biljetti jinkisbu minn fuq is-sit showshappening.com. Għal aktar tagħrif żur is-sit festivalsmalta.mt.
//= $special ?>