Robert Abela u Clyde Caruana huma kompliċi f’dak li għaddej fil-Kummissjoni tal-Films, hekk kif qed naraw industrija mimlija talent lokali iżda l-Gvern qed iberbaq u jagħti barka ta’ miljuni fuq it-tkabbir tal-persuna u l-interess personali tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech.
Hekk sostnew Julie Zahra, ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura; u Graham Bencini, ix-Shadow Minister għall-Finanzi; fi stqarrija fejn spjegaw li mill-kummenti li għaddew fl-aħħar ġranet diversi artisti u assoċjazzjonijiet tal-artisti u l-produtturi fl-industrija tal-films, wara li ħareġ fid-deher il-mod kif Johann Grech, bil-barka ta’ Abela u Caruana qed iberbaq il-miljuni minn flus il-poplu, hu evidenti li l-Kummissarju tal-Films ma jgawdix il-fiduċja tal-industrija.
Minkejja dan, Robert Abela ma ħa l-ebda azzjoni biex jiddefendi l-interessi tat-tax payer Malti, li qed ikun misruq biex igawdu Johann Grech u sħabu.
Johann Grech hu wieħed mill-magħżulin ta’ Robert Abela biex jippjana l-kampanji elettorali tal-Partit Laburista u jħossu li jista’ jagħmel li jrid, bil-Prim Ministru dgħajjef u ma jista’ jieħu l-ebda azzjoni.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista qed iżomm ukoll lil Robert Abela u lil Clyde Caruana responsabbli għan-nuqqas ta’ azzjoni li qed iwasslu biex il-poplu Malti u Għawdxi qed ikun misruq il-miljuni f’dan is-settur, filwaqt li l-artisti lokali u dawk fis-settur jibqgħu bla għajnuna li tant jeħtieġu.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li kien talab investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali, permezz tal-firmatarji ta’ din l-istqarrija flimkien max-Shadow Ministers David Agius u Darren Carabott, dwar il-mod kif il-Kummissjoni tal-Films, taħt it-tmexxija ta’ Johann Grech, qed tberbaq flus il-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>