Lokali

Saviour Balzan jinsisti li Egrant kienet storja vera

Il-pubblikatur u ġurnalist tal-maltatoday Saviour Balzan iddikjara li hu jemmen li l-istorja tal-kumpanija sigrieta Egrant kienet vera.

Din id-dikjarazzjoni Saviour Balzan għamilha fil-ħarga tal-maltatoday tal-Ħadd 7 ta’ Lulju 2024 f’artiklu bit-titlu ‘Stewardgate: The cabal behind the Fearne smear Campaign’

Saviour Balzan qal li dan il-kapitlu l-ġdid isaħħaħ in-narattiva ta’ struttura ta’ politika korrotta fl-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat.

Dan il-kliem iebes minn Saviour Balzan fil-konfront tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat sar wara li fl-aħħar jiem ġie żvelat li Steward ħallsu aktar minn €6 miljun lill-kumpanija CT Group biex iffabrikaw diversi stejjer fosthom kontra l-Eks Deputat Prim Ministru u Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u kontra l-Eks Chief of Staff tiegħu Carmen Ciantar, b’rabta mal-bejgħ tal-passaport Malti.

Fil-maltatoday Saviour Balzan spjega kif issa din l-istorja qed tkompli tiggrava għaliex nafu min hu l-moħħ wara CT Group – Lynton Crosby.

Crosby, li huwa qrib sew ta’ Joseph Muscat u anke Keith Schembri, huwa strateġista politiku li kien il-moħħ wara ħafna kampanji elettorali ta’ politiċi estremisti. Hu li kien akkużat fl-ogħla Qorti f’Londra li iffroda tranżazzjonijiet bankarji.

Saviour Balzan fakkar kif dan l-istess Crosby, iltaqa’ ma’ Joseph Muscat ħafna drabi fuq perjodu ta’ 6 snin f’Kastilja –  bl-aħħar laqgħa tkun biss ftit ġimgħat qabel irriżenja. Dan filwaqt li kulħadd jaf kif Joseph Muscat kien persuna viċin ħafna ta’ Steward Healthcare – l-istess kumpanija li ħallset lil Corsby sabiex jiġu ffabrikati l-istejjer kontra Chris Fearne.

Fil-maltatoday, Saviour Balzan insista li llum, kulħadd jemmen li Egrant kienet fil-fatt storja vera – minkejja li ma kinitx ipprovata. Hu jispjega li m’għandux l-iċken dubju fuq il-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri ma twarrbux lura fl-2016 – meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers – minħabba li Joseph Muscat kellu l-għarfien kollu dwar dak li kienu qegħdin jagħmlu.

Dan hekk kif ġie spjegat ukoll li Muscat mhux talli kien viċin sew ta’ Steward u jitħallas indirettament minnhom, talli kien persuna kruċjali fid-deal tal-isptarijiet.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Balzan tenna li Robert Abela għandu jiddistakka ruħu għalkollox minn Joseph Muscat u li jekk ma jikkonfrontax il-passat, se jkun qed iħares lejn direzzjoni waħda – dik li jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss.