Lokali

Sewwieqa tal-Bolt jagħmlu strajk b’talba ta’ kundizzjonijiet aħjar

Numru ta’ sewwieqa tal-Bolt li jwasslu l-ikel għamlu strajk fl-aħħar sigħat sabiex iwasslu l-appelli tagħhom għal kundizzjonijiet aħjar wara li jidher li l-kumpanija naqqset l-extra bonus li kienet tagħti lill-ħaddiema fi tmiem il-ġimgħa.

Is-sewwieqa qed jappellaw li jkollhom pagi aħjar, li jkollhom żieda fil-paga meta jaħdmu l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd, li r-ristoranti jirrispettawhom, li jkun hemm iktar attenzjoni għal accounts foloz ta’ Bolt u li jinqatgħu GPS li qed iqarrqu z-zona fejn is-sewwieqa jkunu b’riżultat li qed jieħdu xogħol ħaddiema oħra.

Dan l-istrajk wassal biex diversi ristoranti kellhom jarmu l-ikel li ppreparaw għaliex ma kienx hemm sewwieqa min jiġbor l-ikel, filwaqt li għadd ta’ persuni li spiċċaw ħallsu l-flus iżda l-ikel qatt ma wasal għandhom.

Bolt Malta wieġbet għal dan l-istrajk fejn qalet li s-sewwieqa fl-aħħar xhur kellhom żieda fil-pagi tagħhom hekk kif fl-aħħar sena kien hemm żieda fl-ammont ta’ deliveries. Madanakollu, jidher li dan ma kienx biżżejjed għas-sewwieqa tant li qed jitolbu għal kundizzjonijiet aħjar.