Internazzjonali

Stati Uniti: Tħassib dwar kemm Biden kapaċi jkompli bil-kampanja

Aktar membri tal-Partit Demokratiku fil-Gvern qed jagħmlu pressjoni fuq il-President Amerikan Joe Biden biex ma jikkuntestax l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Huma jriduh iċedi postu lil kandidat ieħor iżgħar li għandu jikkonfronta lill-Eks-President u kandidat tal-Partit Repubblikan Donald Trump fil-vot kruċjali.

Żdiedu wkoll il-membri Demokratiċi tal-Kungress li esprimew l-inkwiet dwar kemm Biden ‘hu tajjeb biex ikompli bħala President’ u wara li hu bilkemm seta’ jesprimi ruħu sew waqt l-aħħar dibattitu wiċċ imb wiċċ ma’ Trump,

Madankollu, għad ma ħarġitx sejħa ‘ċara u kollettiva’ biex Biden iċedi postu lil ħaddieħor fit-tellieqa għall-White House – bil-President tal-Istati Uniti jaħlef li jkompli jisfida lil Trump għall-Presidenza.

Iżda l-iskrutinju ta’ Biden għandha tintensifika f’dawn il-jiem meta hu għandu jlaqqa’ lill-Mexxejja tan-NATO għas-summit tal-Alleanza li se ssir f’Washington.