Il-Kampjonat Ewropew ta’ din is-sena wasal fl-aħħar fażi u l-attenzjoni waqgħet fuq l-aħħar erba’ timijiet li fadal. Kull nazzjon għandu l-partikolartajiet tiegħu, iżda żgur li parti importanti mill-vjaġġ tagħhom hi t-tmexxija teknika. F’dan l-artiklu se nagħtu ħarsa qasira lejn parti mill-karriera tal-erba’ kowċis li fadal f’din il-kompetizzjoni
Luis de la Fuente
Wara karriera twila fil-kampjonat Spanjol bħala difensur, Luis de la Fuente beda l-karriera ta’ kowċ u fl-2013 daħal fis-settur tat-tim nazzjonali Spanjol. Hu nħatar bħala kowċ ta’ taħt id-19-il sena u mexxa lit-tim għar-rebħ tal-Kampjonat Ewropew fl-2015. F’Lulju tal-2018 inħatar bħala kowċ nazzjonali ta’ taħt il-21 sena u sena wara mexxa wkoll lit-tim għar-rebħ tal-Kampjonat Ewropew tal-2019.
F’Ġunju tal-2021, de la Fuente mexxa lit-tim nazzjonali tal-irġiel għall-partita ta’ ħbiberija kontra l-Litwanja wara każ ta’ Covid-19 fl-iskwadra. Hu kien ukoll kowċ tat-tim Olimpiku ta’ Spanja fl-Olimpjadi ta’ Tokyo li kienu saru fis-sajf tal-2021, bi Spanja tirbaħ il-midalja tal-fidda. F’Diċembru tal-2022, inħatar kowċ nazzjonali.
Didier Deschamps
Li kowċ iżomm postu kemm fi klabb u f’tim nazzjonali għal żmien twil hi rari fid-dinja tal-futbol preżenti, iżda Didier Deschamps hu wieħed mill-eċċezzjonijiet. Deschamps ilu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Franċiż mill-2012 u f’dan il-perjodu mexxa lil Les Bleus għal tliet finali minn possibbiltà ta’ ħamsa u rebaħ Tazza tad-Dinja.
Is-suċċess fl-2018 fisser li Deschamps ingħaqad ma’ ftit persuni li rebħu t-Tazza tad-Dinja kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ u f’din l-edizzjoni għandu ċ-ċans li jagħmel aktar storja. Jekk imexxi lil Franza għal dan is-suċċess, hu jsir biss it-tieni persuna li jirbaħ il-Kampjonat Ewropew kemm bħala plejer u kowċ wara l-Ġermaniż Berti Vogts, kif ukoll isir l-ewwel persuna li jkun rebaħ iż-żewġ kompetizzjonijiet maġġuri bħala plejer u kowċ.
Ronald Koeman
Minbarra l-karriera tiegħu bħala plejer, din hi t-tielet esperjenza għal Koeman fit-tim nazzjonali Olandiż. L-ewwel inkarigu li kellu kien bħala parti mill-istaff tekniku ta’ Guus Hiddink waqt it-Tazza tad-Dinja tal-1998 flimkien ma’ Johan Neeskens u Frank Rijkaard. Wara madwar 20 sena bħala kowċ ta’ klabbs, Koeman inħatar kowċ nazzjonali tal-Olanda fi Frar tal-2018.
Sena wara hu mexxa lill-Olanda għat-tieni post tal-UEFA Nations League. F’Awwissu tal-2020, Koeman ħalla lit-tim Olandiż biex inħatar kowċ ta’ Barcelona. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-Olanda kkwalifikat għall-Kampjonat Ewropew wara li l-Oranje ma kinux ikkwalifikaw għall-Euro 2016 u t-Tazza tad-Dinja tal-2018. Hu reġa’ nħatar kowċ nazzjonali f’April tal-2022 wara li rtira Louis van Gaal.
Gareth Southgate
Southgate nħatar kowċ nazzjonali tal-Ingilterra f’Novembru tal-2016 wara perjodu qasir bħala kowċ temporanju konsegwenza tar-riżenja ta’ Sam Allardyce. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-Ingilterra waslet sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li kienet l-ewwel darba li t-tim Ingliż wasal mal-aħħar erbgħa f’kompetizzjoni maġġuri mill-Euro tal-1996 meta kien plejer hu stess.
Sena wara, l-Ingilterra spiċċat fit-tielet post fil-UEFA Nations League fis-sajf tal-2019 u fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew waslu sal-finali iżda tilfuha bl-għoti tal-penalties. Fl-aħħar Tazza tad-Dinja, l-Ingliżi sfaw eliminati mal-aħħar tmienja. Fl-aħħar logħba kontra l-Iżvizzera, Southgate għalaq 100 logħba bħala kowċ nazzjonali.
//= $special ?>