Ma jeskludix li xi ħadd mill-amministrazzjoni tal-Gvern ta’ Muscat huma involuti fil-frame-up
L-Eks Deputat Prim Ministru u issa backbencher Laburista Chris Fearne qed jibża’ għal ħajtu u ħajjet il-familja tiegħu.
Din hija s-sitwazzjoni li preżentament pajjiżna jinsab fiha wara li grazzi għall-investigazzjonijiet tal-midja indipendenti internazzjonali l-OCCRP, ħareġ fid-deher li Steward Healthcare, il-kumpanija li l-Gvern Laburista fdalha l-konċessjoni tal-isptarijiet f’idejha u l-kumpanija li l-istess Fearne ddeskriva l-ftehim magħha bħala ‘The Right Deal’ – allegatament ħolqot konġura ta’ stejjer b’mod vendikattiv fil-konfront tiegħu u tat-tim ta’ madwaru.
L-għada ta’ din l-istqarrija b’saħħitha min-naħa ta’ Chris Fearne fejn qal li qed jibża’ li hu u familtu jinsabu fil-periklu – Net News staqsa lill-kollega tiegħu fil-Grupp Parlamentari Laburista Owen Bonnici jekk wara dawn is-snin kollha joħorġu għonqhom għal Steward… dan kienx żball.
Surrealment, Bonniċi qal li l-Gvern ma kienx jaqbeż għal Steward Healthcare meta minkejja l-appelli kollha tal-Partit Nazzjonalista u esperti fil-qasam, kien baqa’ joħroġ il-miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu, ma rtirax mill-konċessjoni, saħansitra żewġ sentenzi tal-Qorti ddikkjaraw li l-Gvern ħadem f’kollużjoni mal-kumpanija fil-frodi mit-taxxi tal-poplu… u agħar minn hekk fil-Parlament… wara li ħadna lura l-isptarijiet il-Gvern ta’ Abela kien faħħar ix-xogħol li wettqu ta’ Steward.
Intant, it-Tnejn waranofsinhar Chris Fearne ta x’jifhem li hu qed jissuspetta li hemm id oħra moħbija apparti l-allegat involviment ta’ Steward Healthcare… tant li qal li hu stess talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga.
Aktar kmieni, f’kummenti li ta lit-Times of Malta quddiem il-Qorti, Fearne ma ċaħadx l-involviment ta’ xi uffiċjali għolja minn żmien l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. U stqarr li wara dawn l-episodji għadu ma tkellimx la ma’ Muscat u lanqas mal-id il-leminija tiegħu Keith Schembri.
B’rabta ma’ dan kollu staqsejna lill-Ministru Bonnici, li hu wkoll kien membru fil-Kabinett ta’ Muscat… b’Owen Bonnici jaħrab għal darba darbtejn milli jwieġeb jekk jeskludix l-involviment tal-Eks Prim Ministru jew xi nies minn tiegħu.
//= $special ?>