Lokali

Gvern Nazzjonalista jpoġġi r-riċerka u l-innovazzjoni bħala pilastru ewlieni tal-viżjoni ekonomika għal Malta

Tibdiliet sostanzjali fl-Avviż Legali li jwaqqaf Xjenza Malta

Kif imwiegħed ftit tal-ġimgħat ilu, l-Oppożizzjoni ssottomettiet Mozzjoni fil-Parlament, b’numru ta’ emendi għall-Avviż Legali mressaq mill-Gvern għat-twaqqif tal-aġenzija Xjenza Malta. Xjenza Malta se tkun qed tieħu post l-MCST (Malta Council for Science and Technology), proġett imwaqqaf frott il-viżjoni innovattiva tal-Partit Nazzjonalista lura fl-1988.

Il-Partit Nazzjonalista ħass li għandu jressaq dawn l-emendi għax l-avvanz li jeħtieġ jagħmel pajjiżna għandu jkun wieħed bla preċedent fid-dawl tal-fatt li Malta tinsab fl-aħħar post tal-pajjiżi Ewropej fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Aktar minn hekk, il-Peer Review – Maltese Research and Innovation System (2019), li kien kompost minn esperti tal-Kummissjoni Ewropea, wissew li l-mudell ekonomiku ta’ Malta mhux sostenibbli u li Malta għandha minnufih tinvesti fl-innovazzjoni u r-riċerka.

Permezz ta’ dawn l-emendi, il-Partit Nazzjonalista qed jintroduċi l-involviment tax-xjentisti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi mill-Università ta’ Malta u mill-MCAST, kif ukoll rappreżentant mill-Kamra tal-Kummerċ li jirrapreżenta l-industrija bħala ingredjent ewlieni fir-riċetta meħtieġa biex ninqalgħu mill-pożizzjoni li ninsabu fiha llum.

B’din il-Mozzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri bil-provi kif ir-riċerka u l-innovazzjoni se jkunu pilastru ewlieni tal-viżjoni ekonomika ġdida għal Malta u li l-Partit Nazzjonalista hu kommess li jwettaq bħala gvern alternattiv.