Internazzjonali

Il-Greċja: Kriżi tal-ilma ‘qabel l-eqqel tat-turiżmu’

Ix-xjenzati u l-bdiewa fil-Greċja qed iwissu dwar kriżi fil-provvista tal-ilma minħabba n-nuqqas ta’ xita fix-xhur konsekuttivi. U l-kriżi mistennija tikber meta l-Greċja qed taħseb biex tilqa’ ammonti rekord ta’ turisti matul is-sajf.

Min-naħa tiegħu, Dimitris Lianos, is-Sindku ta’ Naxos, wissa li l-ġibjuni f’din il-gżira huma kważi qoxqox u li dan hu dovut għan-‘nuqqas intensiv’ tax-xita mhux biss fil-Greċja iżda anki fir-reġjun kollu tal-Mediterran.

Fil-fatt, il-livelli tal-ilma huma negliġibbli fl-akbar ġibjun ta’ Naxos u meta l-ilma baħar infiltra għall-bjar li jintużaw għall-art saqwija, b’effett negattiv għall-prodott agrikolu.

Intant, l-awtoritajiet fil-gżira ta’ Karpathos imponew ir-restrizzjonijiet għall-ilma fis-swimming pools waqt li l-uffiċjali fil-gżira ta’ Thasos qed jippruvaw jintroduċu sistema ta’ desalinazzjoni li tirrendi l-ilma baħar tajjeb għax-xorb.