Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li l-attakki tal-qawwiet Russi fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna qed jenfasizzaw ‘il-politika ta’ brutalità’ tal-Kremlin li, fl-ambizzjonijiet biex jaħtaf aktar territorji tal-Ukreni, mhux jiddiskrimina bejn il-miri militari u d-djar tal-familji.
Il-kundanna ta’ Biden ingħatat sigħat wara li mewġa ta’ missili sparati mir-Russja qatlu ‘l fuq minn 40 fi Kiev u bnadi oħra tal-Ukrajna, u meta fost il-vittmi kien hemm diversi nisa u tfal.
Intant, sar magħruf li l-midruba fl-attakki qabżu l-200 u li wħud minnhom huma tfal li kienu rikoverati fi sptar, fil-kapitali Ukrena.
Min-naħa tiegħu, Biden, li qed jilqa’ lill-mexxejja tal-pajjiżi għas-summit tan-NATO f’Washington, ħalef biex isaħħaħ id-difiżi tal-Ukreni għal kontra l-attakki mill-ajru.
Il-wiegħda wkoll hi sinifikanti peress li Biden qed iħejji għall-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru kontra l-kandidat u rivali kbir, ir-Repubblikan Donald Trump. L-osservaturi jemmnu li rebħa għal Trump f’din l-elezzjoni, ‘il quddiem, kapaċi tfisser theżżiża għall-politika ta’ appoġġ minn Washington lill-Ukrajna.
Sadanittant, il-kelliema f’Moska ċaħdu li l-qawwiet Russi kienu qed jisparaw il-missili ‘bi ħsieb’ lejn l-isptar ta’ Kiev, iżda n-Nazzjonijiet Uniti u l-analisti indipendenti mhumiex jemmnu din l-istqarrija.
Intant, il-President Biden, ilbieraħ, ħabbar li, waqt il-laqgħat tan-NATO għandhom jitħabbru ‘mezzi oħrajn ta’ stimolu’ lid-difiżi tal-Ukrajni għal kontra l-attakki mill-ajru.
Dan meta l-mexxejja mit-32 pajjiżi-membri tan-NATO, l-Istati msieħba u l-Unjoni Ewropea qed ifakkru l-75 anniversarju mit-twaqqif tal-Alleanza tal-Punent.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky, ukoll qed jattendi għas-summit u wara li ilu jħeġġeġ lill-Alleati tal-Punent biex iżidu l-għajnuna militari lil pajjiżu biex ikun jista’ jirreżisti aħjar lill-offensiva bla heda tar-Russi.
Dan meta l-qawwiet Russi, fl-aħħar ġimgħat, irrankaw l-attakki fuq l-ibliet tal-Ukrajna – bix-xahar ta’ Mejju jkun l-aktar xahar qattiel f’termini ta’ ċivili maqtula għal kważi sena.
Għaldaqstant, is-summit tan-NATO li jagħlaq nhar il-Ħamis, se jikkonċentra fuq aspetti ta’ difiża u deterrent fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
U għalkemm l-Ukrajna mhix membru fl-Alleanza, hi talbet biex tkun ammessa mill-aktar fis (fin-NATO) ladarba tikkonkludi l-gwerra mar-Russja. Fil-fatt, Jens Stoltenberg, li se jispiċċa dalwaqt minn Segretarju Ġenerali tan-NATO, qal li s-sħubija tal-Ukrajna fl-Alleanza hi ‘inevitabbli’, għalkemm dan il-pass m’għandux jittieħed waqt li għaddej il-kunflitt preżenti.
Fl-istess ħin, mistenni li Biden, waqt is-summit, se jkun qed jiltaqa’ regolarment mal-President Zelensky biex jiddiskutu s-sitwazzjoni u biex hu jenfasizza ‘l-appoġġ sod ta’ pajjiżu lill-Ukrajna’.
Fl-aħħar sigħat, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti wkoll kien qed jiltaqa’ fuq it-talba tal-Ukrajna.
Dan, waqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, issieħeb mal-uffiċjali tal-Punent f’kundanna assoluta għall-attakk bil-missili tar-Russi fuq l-Ukrajna.
Intant, is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, iddikjara l-jum tad-9 ta’ Lulju bħala ġurnata ta’ luttu relatata mal-qtil indiskriminattiv taċ-ċivili waqt l-attakki tar-Russi fuq il-kapitali u bliet Ukreni oħra.
//= $special ?>