Lokali Parlament

Il-klikka Mafjuża daħħlet lil Malta fi kriminalità mċappsa bid-demm


Eve Borg Bonello, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello qalet fl-Aġġornament tal-Parlament, li l-klikka Mafjuża daħħlet lil Malta fi kriminalità mċappsa bid-demm.


Eve Borg Bonello qalet li l-aħħar ġimgħat kienu surreali fejn il-pajjiż ilu jgħix fi stat Mafjuż. L-ebda persuni fiċ-ċrieki Mafjużi m’għandhom l-istonku li jitkellmu għaliex jekk jitkellmu sħabhom iduru għalihom u għall-familja tagħhom.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li dawk li jixtiequ jitkellmu jridu jsibu u jkunu konxji tar-ritratti tal-karozza fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia. Hi sostniet li l-ħbieb tal-ħbieb jinsabu fis-sakra tal-poter u kompliet li l-mistoqsija hi kif se ssir ġlieda lill-Mafja.


Eve Borg Bonello sostniet li l-gvern ħataf kollox taħt idejh u kompliet li l-poplu għad għandu tama li ssir bidla. Hi appellat lid-deputati Laburisti biex jitkellmu quddiem din is-sitwazzjoni u ma jibqgħux jiddefendu lil dawk li se jarmuhom mal-ewwel ċans li jkollhom, kif għamlu lil Chris Fearne. Kull m’għandu bżonn jagħmel Chris Fearne hu li jħares f’għajnejn il-kollegi deputati Laburisti li baqgħu leali lejn min ħammeġ lill-istess Chris Fearne.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet iridu jsiru pubbliċi biex il-poplu jkun jaf il-verità kollha. Jeħtieġ li d-deputati Laburisti jassiguraw li l-verità fuq Joseph Muscat, Keith Schembri u sħabhom toħroġ kollha.