Lokali Parlament

Il-liġi dwar l-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv qed tkabbar il-problemi fis-soċjetà

Ritratt: Martin Agius


Stephen Spiteri, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-liġi dwar l-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv qed tkabbar il-problemi fis-soċjetà.


Stephen Sptieri tkellem dwar l-abbuż mid-droga u sostna li dawk li rrikorrew id-Dipartiment tal-Emerġenzja minħabba problemi ta’ teħid ta’ droga żdiedu b’mod allarmanti speċjalment bl-użu tal-kannabis.


Jirriżulta li bejn l-2020 u l-2021 kien hemm erba’ darbiet iktar pazjenti li rrikorrew għal dan it-trattament.
Hu qal li t-Toxology Department ta’ Mater Dei jispeċifika kemm l-effett tad-droga qed ikun ta’ detriment l-aktar tal-kannabis, il-kokaina u d-drogi sistentiċi. Din iż-żieda qed tpoġġi lis-soċjetà f’diffikultà u qed tpoġġi pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei.


Id-deputat Nazzjonalista qal li qed tinħoloq pressjoni kbira fuq is-setturi kollha bl-użu rikreattiv tal-kannabis. Dan qed iwassal għal effetti fuq il-moħħ u l-effetti fiżiċi inkluż fuq il-qalb, kanċer u s-sistema respiratorja.


Stephen Spiteri kompla li ħadd mhu qed jitkellem fuq il-pressjoni li hemm fuq il-professjonisti li jaħdmu f’Monte Carmeli.


Jirriżulta li minn 246 resident f’Monte Carmeli, hemm 55 li jinsabu f’kundizzjoni relaata mad-drogi.
Hu semma’ l-hub dwar il-vjolenza domestika li kien miftuħ ftit ilu u qal li hemm 90% tal-każi b’involviment tad-droga. Il-gvern ma ħarisx lejn is-sitwazzjoni fuq perjodu fit-tul anki meta din hi sfida kbira li qed tiffaċċja s-soċjetà.


Fil-kannabis mediku hemm skrutinju u informazzjoni tajba u hemm serjetà anki bi skrutinju assolut, iżda fil-użu tal-kannabis għal skop rikreazzjonali m’hemm l-ebda skrutinju. Anzi hemm sitwazzjonijiet gravi fejn ksur tal-liġi fil-kannabis għal skop ta’ rikreazzjoni.


Hu qal li hemm ukoll diffikultà għaliex din il-liġi ma kinitx ta’ ġid għas-soċjetà. Jeħtieġ li jkun hemm skrutinju iktar b’saħħtu u ma jingħatax eżempju ħażin liż-żgħażagħ Maltin biex dawn ma jkunux esposti għall-problemi ta’ saħħa mentali. Għalhekk jeħtieġ investiment fl-isport u f’attiviatjiet pożittivi. Ir-realtà hi li l-liġi tal-użu tal-kannabis għal skop rikreazzjonali ma servietx biex tnaqqset il-ħsara fis-soċjetà.


Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-liġijiet ikunu kkunsidrati fuq perjodu fit-tul u ma jkunux populisti. Hu qal li jiskanta kif deputati li huma tobba vvotaw favur liġi li tagħmel ħsara lil min jikkonsma dawn is-sustanzi.