Abela jappella għal prudenza waqt li jgħid li se jiġġudika lil Grech aktar ‘il quddiem
Minkejja l-kritika minn persuni midħla sew tal-industrija tal-films f’pajjiżna, minkejja n-nefqa eżorbitanti taħt it-tmexxija tiegħu bħala Kummissarju tal-Films li tlaħħaq il-miljuni ta’ ewro, u minkejja li bejn il-kliem u l-fatti r-realtà f’din l-industrija hija waħda kuntrastanti ħafna… il-Ministru Clayton Bartolo għadu qed jaqbeż għal Johann Grech.
Fl-aħħar jiem, Johann Grech reġa’ spiċċa fuq ilsien kulħadd wara l-Mediterrane Film Festival, fejn matulu deher filmat ta’ 10 minuti. Bi Grech jidher bħala attur protagonist – short film li għalih allegatament intefqu minimu ta’ nofs miljun ewro – film li waqt li kien qed jieħu sehem fih, Johann Grech saħansitra kellu trailer personali, denju ta’ attur ta’ Hollywood.
B’rabta ma’ dan ix-short film, il-Ministru Bartolo insista li dan sar biex il-Gvern jippromwovi internazzjonalment plot ta’ film ta’ żmien il-Kavallieri.
Mal-ġurnalisti… hu stess ammetta li bħalissa mhux fil-pjan tal-Gvern li dan il-filmat, li sewa minn but il-poplu €500,000… jintwera lokalment.
Iżda mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti jekk għaddilhomx minn moħħhom li l-investiment ċinematografiku jsir mit-talenti lokali u mhux internazzjonali… Bartolo ta x’jifhem li tkun idea tajba. U għaldaqstant ironikament ir-raġunament tiegħu u ta’ Grech pjuttost sfaxxa fix-xejn.
Intant, wara l-kritika li dabbar Johann Grech mill-attriċi Lara Azzopardi u l-make up artist Lara Bella Vella Baldacchino… il-Ministru sġiċċa giddeb lil din tal-aħħar. Dan wara li żvelat li hi ma tħallsitx bħal diversi professjonisti oħrajn, bil-Ministru jwaħħal fil-privat u jattakka lill-arstista Maltija.
Aktar tard, Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar kif il-Gvern ġab lill-pajjiż f’riskju ta’ deficit procedure… u għandu Kummissarju tal-Films iberbaq ammonti esaġerati ta’ flus minn fuq dahar il-poplu. Abela, surrealment, appella għal prudenza.
Imbagħad, aktar tard, il-Prim Ministru xorta spiċċa jinsisti li l-ġudizzju tiegħu dwar Johann Grech se jagħmlu skont ir-riżultat, minflok ħa deċiżjoni ċara u warrbu minn din il-kariga tant importanti.
Il-fama tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech issa hija waħda magħrufa – tberbiq eżorbitanti ta’ flus minn fuq il-poplu, ħafna kliem u paroli… iżda fatti ftit li xejn. U sadattant, il-professjonisti lokali qed jinżammu mdendlin, mingħajr fondi u għajnuna.
//= $special ?>