Lokali Parlament

Il-PN se jżomm lill-Gvern responsabbli quddiem in-nuqqasijiet fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li l-PN se jżomm lill-gvern responsabbli u kontabbli quddiem in-nuqqasijiet fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN jappoġġja kull tentattiv biex tissaħħaħ is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li tfisser il-persuna u l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna. Kull gvern għandu responsabbiltà li jara li jkun proattiv u reattiv fejn tiħdol il-ħajja u s-saħħa tal-ħaddiema Maltin jew barranin li jkunu qed jaħdmu.

Il-kritika tal-PN hi li l-gvern la kien proattiv u lanqas reattiv quddiem inċidenti li wasslu għall-imwiet kemm ta’ ħaddiema kif ukoll ta’ ġirien fejn kien qed isir xogħol. Il-gvern baqa’ ċass quddiem il-protezzjoni tal-ħaddiema, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li fl-2023 il-pajjiż kien għaddej fi kruċjata favur Isabelle u John, il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia biex fl-aħħar il-gvern aċċetta li jagħmel inkjesta pubblika dwar mewt ta’ tifel Malti, żagħżugħ. Illum, sena wara, il-PN qed ifakkar dan il-mewt għaliex huma d-deċiżjonijet meħuda fil-mument tal-prova li jiddefinixxu x’inhu l-politiku.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li sena ilu l-Oppożizzjoni appellat lid-deputati kollha Laburisti biex ma jittradixxux lill-ħaddiema u lill-poplu Malti u biex ma jittradixxux lil Jean Paul Sofia u l-famlija tiegħu. Minkejja t-talbiet, l-ittri u l-appelli ta’ Isabelle Bonnici, id-deputati tal-gvern għażlu li jċaħħduhom minn inkjesta pubblika. Hawn min irid inessi l-passat, iżda poplu li jinsa l-passat ikun destinat li jerġa’ jgħixu.
Bernard Gerch qal li hu kburi li l-PN ivvota favur inkjesta pubblika iżda hu dispjaċut li l-gvern ivvota kontra għax ma ridux li toħroġ il-verità kollha. Il-Gvern ma riedx li l-pajjiż jitgħallem mill-iżbalji tiegħu bħala poplu biex ma jerġgħux ikunu ripetuti l-istess żbalji.

Il-Kap tal-PN qal li fid-diskors tiegħu dwar dan l-abbozz, il-Prim Ministru sab il-kuraġġ li jsemmi darba waħda biss l-inkjesta ta’ Sofia u semmieha biss billi kkwota parti minnha li fiha ntqal li l-inċidenti ma jistgħu qatt ikunu evitati.

Dan biex ikun jista’ jużaha bħala skuża. Dan biss tgħallem il-Prim Minitru minn din l-inkjesta!, sostna Bernard Grech, li kompla li l-partit li kien tal-ħaddiema mhuwiex lest li jipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Il-pajjiż jinsab sena tard, sostna Bernard Gerh, li fakkar li l-Prim Ministru dam tmien xhur biex jagħmel inkjesta pubblika. Il-gvern ma kellux jistenna li jmut persuna biex jagħmel xi ħaġa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-gvern qed ikaxkar saqajh u qed jipprova jsolvi kriżi li ħoloq hu stess. Hu semma’ l-problema tal-qtugħ tad-dawl u qal li fl-aħħar il-gvern induna li jrid jagħmel xi ħaġa’ Il-gvern beda jerġa’ jaqla’ t-toroq li kien għamel biex jgħaddu l-cables iżda xorta għad hawn il-problema.

Bernard Grech kompla li dan hu gvern reattiv u li ma jippjanax u jibqa’ jistina rasu anki quddiem it-traġedji. Dan l-abbozz seta’ kien ħafna aħjar, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-Union for Health and Saftey Practioners, li huma l-professjonisti u l-ħaddiema mħarrġa u esperti fuq is-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, qed issostni li huma diżappuntati li ma kienx konsultat biżżejjed biex tagħti iktar ideat biex il-liġi tħalli l-effetti pożittivi.

Bernard Grech qal li l-Gvern ma tgħallem xejn għaliex jaħseb li jaf hu biss u jarmi l-opinjoni ta’ kulħadd. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-gevrn tradixxa lill-ħaddiema għaliex jagħmel biss l-affarijiet biex ikunu saru. Il-poplu hu għatxan għall-bidla u għal politika differenti li fiha ċ-ċittadin ikun fiċ-ċentru tal-politika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-gvern ma wettaqx ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-inkjesta pubblika u staqsa kif jista’ jkun li l-esperti ma kinux konsultati. Dan hu gvern arroganti li ma jaċċettax is-suġġerimenti fejn il-Prim Ministru ma jaċċettax l-għajnuna u ma jagħmilx apoloġija onesta. Jeħtieġ ikun hemm komunikazzjoni komprensiva, sostna Bernard Grech, li kompla li l-gvern ressaq abbozz mhux komplut biex ikun għamel xi ħaġa. Dan hu gvern bla sens ta’ urġenza u falla kompletament u flok xegħel il-magni tal-pajjiż, xegħel il-magni ta’ xi ħaġa oħra.

Bernard Grech kompla li l-gvern nesa li hawn ħaddiema li jinsabu f’riskju u żied li l-gvern refa’ l-obbligu fuq min iħaddem bla ma stabbilixxi l-kriterji minimi tar-rwoli. Hu sostna li l-gvern għamel biss help line għal min ikun f’riskju.

Il-PN irid li l-poplu jkollu fiduċja, sostna l-Kap tal-PN, li żied li l-messaġġ għandu jkun wieħed konsistenti fejn min jonqos, jerfa’ r-responsabbiltà. Hu appella għall-kontabbiltà u sostna li l-PN se jkompli bil-politika favur settur b’saħħtu waqt li se jżomm lill-gvern kontabbli lejn il-poplu. Il-PN se jkun iktar esiġenti, leali, umli, li jikkonsulta u iktar viċin il-poplu biex iġib il-bidla li hemm bżonn, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.