Spanja u Franza jinsabu pass bogħod mill-finali u se jkunu ostaklu ta’ xulxin b’żewġ stili differenti ta’ kif jilagħbu l-futbol. Spanja tinsab f’din il-fażi wara li eliminat lill-organizzaturi fil-ħin barrani tal-fażi preċedenti filwaqt li Franza stenniet sal-għoti tal-penalties biex eliminat lit-tim nazzjonali tal-Portugall.
Spanja hi l-uniku nazzjon li rebħet il-ħames logħbiet li lagħbet f’din l-edizzjoni u l-ebda nazzjon sa issa għadu ma kiseb sitt rebħiet f’edizzjoni waħda u lanqas sitt rebħiet konsekuttivi.
Ħafna mill-mertu jmur għall-eks kowċ tat-tim nazzjonali Spanjol ta’ taħt il-21 sena. Luis de la Fuente ħa t-tmexxija tat-tim mingħand Luis Enrique u wettaq bidla tattika li sa issa qed tħalli l-frott. F’żewġ okkażjonijiet f’din l-edizzjoni, Spanja kellha anqas pussess tal-ballun mill-avversarji iżda xorta kisbet ir-riżultat.
Mod differenti kif iħarsu lejn il-logħba, b’aktar passaġġi malajr u veloċità mal-linji. Mill-bidu tal-2023, La Roja rebħu 15 mid-19-il logħba taħt de la Fuente. Ir-rebħ tal-UEFA Nations League kompliet tagħti fiduċja li mexjin fid-direzzjoni tajba hekk kif fil-preżent jinsabu fl-aħjar serje ta’ rebħiet minn meta ddominaw il-futbol Ewropew madwar 15-il sena ilu.
Spanja kkwalifikat mis-semifinali f’erba’ minn ħames okkażjonijiet, għalkemm tilfet bl-għoti tal-penalties kontra l-Italja fl-aħħar edizzjoni. F’każ ta’ kwalifikazzjoni, din tkun il-ħames waħda fl-istorja ta’ Spanja u l-ewwel waħda minn meta l-Ispanjoli rebħu l-Kampjonat Ewropew fl-2012.
Quddiemhom se jsibu nazzjon li wkoll kellu s-suċċessi tiegħu. Franza qed tittama li tasal sar-raba’ finali ta’ Kampjonat Ewropew iżda t-tieni waħda biss meta ma kienx organizzat f’pajjiżhom. Didier Deschamps kien fit-tmexxija meta għaddew għall-aħħar finali li kienu tilfu kontra l-Portugall f’Pariġi tmien snin ilu.
Minn meta tilfu l-finali tat-Tazza tad-Dinja f’Diċembru tal-2022, il-Franċiżi bdew ibatu ftit. Għalkemm xorta jinsabu mal-aħħar erbgħa, il-progress tagħhom kien aktar diffiċli mill-mod kif kisbuh l-Ispanjoli.
Wara rebħa minima fuq l-Awstrija, Franza spiċċat 0-0 kontra l-Olanda u 1-1 kontra l-Polonja, b’konsegwenza li tilfet il-quċċata ta’ Grupp D. Mal-aħħar 16, rebħu 1-0 kontra l-Belġju b’gowl lejn it-tmiem qabel il-kwalifikazzjoni bl-għoti tal-penalties kontra l-Portugall.
Ħafna kkritikaw il-mod kif jilagħbu l-Franċiżi, bi stil li aktar jibbaża fuq ir-riżultat minflok l-ispettaklu ta’ logħob. Għalkemm f’ħames logħbiet skorjaw tliet darbiet biss u mhux minn azzjoni, id-difiża kienet soda u sofriet gowl biss minn penalty. Deschamps hu komdu b’dan l-istil ta’ logħob u sa issa ngħata raġun.
L-għażliet ta’ de la Fuente u Deschamps
Il-kowċ Spanjol Luis de la Fuente ħoloq l-ewwel ħdax li għajr fl-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Albanija, prattikament baqgħu mhux mibdula. Madankollu kontra Franza se jkollu jagħmel xi bidliet sfurzati.
Id-difensur laterali Dani Carvajal u d-difensur ċentrali Robin Le Normand huma sospiżi, filwaqt li Pedri kien kostrett joħroġ fl-ewwel minuti kontra l-Ġermanja u mhux se jerġa’ jilgħab f’din l-edizzjoni.
Il-veterani Jesus Navas u Nacho Fernandez jistgħu jidħlu fid-difiża mill-bidu filwaqt li kif għamel fl-aħħar logħba, Dani Olmo mistenni jkun is-sostitut ta’ Pedri f’nofs il-grawnd. Fl-attakk, il-captain Alvaro Morata mistenni jerġa’ jkollu l-appoġġ ta’ Nico Williams u ż-żagħżugħ ta’ 16-il sena Lamine Yamal.
Didier Deschamps ma għandux problemi ta’ sospensjonijiet iżda għandu problema marbuta mal-kundizzjoni ta’ Kylian Mbappe. L-attakkant skorja darba minn penalty minn 20 xutt f’din l-edizzjoni u minkejja li qed jilgħab b’maskra, għadu qed isofri minn ksur f’imnieħru wara inċident fl-ewwel logħba.
Adrien Rabiot jirritorna minn sospensjoni iżda għadu mhux magħruf jekk hux se jirritorna mal-ewwel ħdax wara li Eduardo Camavinga beda kontra l-Portugall. Dubju ieħor fl-attakk hu bejn Randal Kolo Muani u Marcus Thurman, b’tal-ewwel jibda favorit. Mike Maignan li qed ikollu edizzjoni tajba, hu konfermat fil-lasta, l-istess bħad-difiża magħmula minn Jules Koundè, William Saliba, Dayot Upamecano u Theo Hernandez.
//= $special ?>