Il-pajjiżi tal-Punent qed isegwu b’attenzjoni ż-żjara tal-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, fir-Russja u fejn hu qed ikollu l-laqgħat, f’Moska, mal-President Russu Vladimir Putin. Din hi l-ewwel żjara ta’ Modi barra l-Indja mindu hu, ix-xahar li għadda, rebaħ it-tielet mandat konsekuttiv tal-Presidenza.
Iż-żjara, intant, qanqlet kritika partikulari peress li Modi wasal f’Moska sigħat biss wara li l-qawwiet Russi kienu qatlu għexieren ta’ ċivili permezz ta’ burraxka ta’ missili sparati lejn l-ibliet tal-Ukrajna.
L-osservaturi qalu wkoll li Modi ‘qisu ma tax każ’ ir-rabja u stmerrija tad-dinja għall-fatt li l-qawwiet tar-Russja kienu, fost oħrajn, immiraw il-missili lejn sptar tat-tfal fil-belt ta’ Kiev.
Fil-fatt, qed jiċċirkulaw ir-ritratti uffiċjali tat-tgħanniqa, f’Moska, bejn Modi u l-President Putin, li, min-naħa tiegħu, irrefera għall-Prim Ministru Indjan bħala ‘l-akbar ħabib tiegħu’.
Iż-żjara ta’ jumejn minn Modi hi l-ewwel waħda tiegħu lill-Kremlin mill-2019 u qed issir ukoll fi żmien is-summit annwali tan-NATO . L-Indja għandha rabtiet mill-qrib anki mal-Istati Uniti u l-uffiċjali f’Delhi qed jgħidu li l-laqgħat bejn Modi u Putin huma parti minn partnership strateġiku antik u li ż-żmien taż-żjara tal-Prim Ministru Modi m’għandu x’jaqsam xejn mas-summit tal-Alleanza tal-Punent.
//= $special ?>