Il-konfront bejn Spanja u Franza jġedded il-memorji tal-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-1984 mirbuħa minn Franza 2-0. F’dik l-edizzjoni li ħadu sehem tmien nazzjonijiet, il-Franċiżi kienu kkwalifikaw bħala l-organizzaturi iżda kienu għadhom kif waslu sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-1982.
Din l-edizzjoni tibqa’ sinonima ma’ Michel Platini li spiċċa bħala l-aqwa skorer b’disa’ gowls u kien strumentali fis-suċċess ta’ Franza. Dan it-total għadu rekord ta’ gowls skorjati f’edizzjoni waħda, bil-Franċiż jokkupa t-tieni post bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien fil-Kampjonat Ewropew, wara biss ir-rekord ta’ 14-il gowl skorjat minn Cristiano Ronaldo.
Fil-fażi tal-gruppi rebħu t-tliet logħbiet, b’disa’ gowls skorjati filwaqt li sofrew tnejn biss. Fis-semifinali kellhom bżonn il-ħin barrani biex rebħu 3-2 kontra l-Portugall. Spanja wkoll spiċċat fil-quċċata tal-grupp b’rebħa u żewġ draws u bi tliet gowls skorjati biss. Fis-semifinali eliminaw lid-Danimarka bl-għoti tal-penalties u b’hekk qatgħu passaġġ biex jilagħbu l-finali tas-27 ta’ Ġunju f’Parc des Princes.
Franza marret fil-vantaġġ fis-57 minuta. Kien free-kick fil-baxx ta’ Michel Platini li dar mal-barriera u l-gowlkiper Luis Arconada deher li salva iżda l-ballun ħarab minn taħt ġismu u żżerżaq wara l-linja, bl-Ispanjol ma rnexxilux isalva l-ballun fil-ħin.
Franza spiċċat il-logħba b’raġel anqas meta ħames minuti mit-tmiem tkeċċa Yvon Le Roux wara li waqqa’ lil Manuel Sarabia u ġie muri t-tieni karta safra. Le Roux sar l-ewwel plejer li tkeċċa waqt finali ta’ Kampjonat Ewropew.
Minkejja l-inferjorità numerika, Franza aċċertat mir-rebħa fil-ħin miżjud. Il-passaġġ ta’ Jean Tigana sab lil Bruno Bellone li avvanza u kellu l-ħin biex qabbeż wara Arconada li kien ħareġ minn postu biex jipprova jimblokka. Dan kien l-ewwel titlu internazzjonali ta’ Franza.
//= $special ?>