FʼĠunju 2024, l-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali ammonta għal 966, li juri tnaqqis ta’ 29 kuntratt meta mqabbel ma’ dawk li kienu rreġistrati sena qabel.
Fl-istess xahar, kienu rreġistrati 1,080 konvenju, li juru tnaqqis ta’ 57 wieħed meta mqabblin ma’ dawk tas-sena li għaddiet.
Meta mqabblin mal-ammonti rreġistrati fʼĠunju 2023, il-kuntratti ta’ bejgħ naqsu bi 2.9 fil-mija, filwaqt li l-konvenji naqsu bʼ5.0 fil-mija.
Kuntratti taʼ Bejgħ
FʼĠunju 2024, l-għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali kien jammonta għal 966, li juri tnaqqis taʼ 2.9 fil-mija meta mqabbel maʼ dawk irreġistrati fʼĠunju 2023. Bʼkollox, il-valur taʼ dawn il-kuntratti laħaq il-€243.9 miljun, tnaqqis taʼ 4.9 fil-mija meta mqabbel mal-valur irreġistrat fʼĠunju 2023.
Fix-xahar taʼ riferenza, 876 (jew 90.7 fil-mija) tal-kuntratti kienu jikkonsistu minn individwi, filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmulin minn kumpaniji. Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu individwi kien jammonta għal €201.7 miljun, li huwa ekwivalenti għal 82.7 fil-mija tal-valur kollu.
Kuntratti taʼ bejgħ bid-distrett u l-lokalità
FʼĠunju 2024, l-akbar ammonti taʼ kuntratti taʼ bejgħ kienu rreġistrati fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port u fid-Distrett tat-Tramuntana, bʼtotal taʼ 274 u 212-il kuntratt, rispettivament. Min-naħa l-oħra, l-inqas numri taʼ kuntratti kienu nnotati fid-Distrett tal-Punent, u fid-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna, bʼ96 u bʼ114-il kuntratt, rispettivament.
L-akbar ammonti taʼ kuntratti taʼ bejgħ kienu rreġistrati fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (73), Il-Mosta (57) u l-Mellieħa (38). Dawn il-kuntratti kienu jgħoddu 17.4 fil-mija tal-kuntratti kollha rreġistrati fʼĠunju 2024.
Proprjetajiet irreġistrati fil-kuntratti taʼ bejgħ
Fix-xahar taʼ riferenza, l-għadd taʼ proprjetajiet irreġistrati fil-kuntratti taʼ bejgħ kien jilħaq l-1,054. L-appartamenti (419) u l-garaxxijiet (243) irreġistraw l-akbar sehem mit-total, b’39.8 fil-mija u bi 23.1 fil-mija, rispettivament.
K2/2024
Fit-tieni kwart tal-2024, kienu rreġistrati 3,185 kuntratt taʼ bejgħ, li jiġu ekwivalenti għal żieda taʼ 5.9 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena taʼ qabel. Il-valur taʼ dawn il-kuntratti kiber bi 8.9 fil-mija sabiex ammonta għal €854.5 miljun. L-akbar numri taʼ kuntratti taʼ bejgħ kienu rreġistrati fʼSan Pawl Il-Baħar (244), il-Mosta (148) u Birkirkara (135) (Tabella nru 4).
Konvenji
FʼĠunju 2024, kienu rreġistrati 1,080 konvenju taʼ proprjetajiet residenzjali, li huma riflessi fi tnaqqis taʼ 5.0 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel. L-individwi li kienu involuti fʼdawn il-konvenji kienu jgħoddu 987 (jew 91.4 fil-mija), filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu kumpaniji.
Konvenji bid-distrett u l-lokalità
L-akbar għadd taʼ konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port bi 336 konvenju; segwit mid-Distrett tat-Tramuntana bʼ217-il konvenju. Min-naħa l-oħra, l-inqas ammonti taʼ konvenji dehru fid-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna, u fid-Distrett tal-Punent, bʼ104 u bʼ107 konvenji, rispettivament.
L-akbar għadd taʼ konvenji kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (104), Birkirkara (66) u Tas-Sliema (59) . Dawn il-konvenji kienu jgħoddu 21.2 fil-mija tal-konvenji kollha rreġistrati fʼĠunju 2024.
K2/2024
Fit-tieni kwart tal-2024, l-għadd taʼ konvenji laħaq it-3,493 konvenju, li jirrappreżenta tnaqqis marġinali meta mqabbel mal-istess żmien tas-sena li għaddiet. L-akbar ammonti taʼ konvenji kienu rreġistrati fʼSan Pawl Il-Baħar (310), Birkirkara (206) u l-Mosta (177).
//= $special ?>